Fid-9 ta’ Novembru ta’ kull sena l-Knisja Kattolika tfakkar l-konsagrazzjoni tal-Bażilika tal-Lateran. Forsi ma nifhmux għalfejn niċċelebraw b’daqshekk importanza l-konsagrazzjoni ta’ din il-Bażilika Maġġuri fil-Belt Eterna, u mhux il-konsagrazzjoni tal-Bażilika ta’ San Pietru li titfakkar flimkien mal-konsagrazzjoni ta’ San Paolo Fuori le Mura b’inqas prominenza. U dan għaliex lill-papa ġeneralment narawh imexxi l-funzjonijiet ewlenin tas-sena Liturġika fil-Bażilika ta’ San Pietru.

Imwaqqfa fis-sena 324, hija l-eqdem knisja pubblika ta’ Ruma, u l-eqdem bażilika fil-Punent. Hija l-Knisja Katidrali tad-Djoċesi ta’ Ruma u sservi bħala s-sede tal-Isqof ta’ Ruma, jiġifieri l-Papa. Mhux ta’ b’xejn li l-Bażilika tal-Lateran hija meqjusa bħala l-Knisja Omm tal-knejjes kollha, kif hemm minqux fuq il-bieb ewlieni tagħha.

Il-Bażilika tal-Lateran hija ddedikata lis-Santissimu Salvatur flimkien ma’ San Ġwanni l-Battista u San Ġwann l-Evanġelista. Ix-xbihat ta’ dawn it-tlieta jidhru fiċ-ċentru tal-faċċata tal-Bażilika, fuq il-frontispizju, akkumpanjati minn tnax-il statwa li jirrappreżentaw id-dutturi tal-Knisja, kemm tal-Lvant u kif ukoll tal-punent. Din il-knisja—u mhux il-Bażilika ta’ San Pietru—hija s-sede tal-Isqof ta’ Ruma, tant li kienet ir-residenza uffiċċjali tal-papa sal-14-il seklu, sakemm il-Papat mar Avignon. Fiha hemm ukoll midfuna għadd ta’ Papiet, u hija magħrufa għat-tnax-il statwa ġganteska tal-irħam li nsibu fin-niċeċ tal-korsija.

Din il-festa tfakkarna wkoll fir-rabta ta’ kull nisrani u kull knisja lokali mar-ragħaj tagħha fuq l-art, il-Papa. Tajjeb li, barra li nitolbu għalih, nitolbu wkoll għall-kollaboraturi kollha sabiex iħallu lilhom infushom dejjem iżjed jitmexxew mill-Kelma ħajja tal-Evanġelju.