Għal-Lhud il-kamra ta’ fuq kienet post importanti għat-talb. Infatti fil-ktieb ta’ Danjel insibu li Danjel mar f’din il-kamra biex jitlob:
“Kien jidħol id-dar, fejn kellu tieqa miftuħa fil-kamra ta’ fuq tħares lejn Ġerusalemm, tliet darbiet kuljum, kien jinżel għarkupptejh u joqgħod jitlob u jfaħħar lil Alla tiegħu.”
Danjel 6, 10
Id-diskorsi ta’ Ġesù fiċ-ċenaklu xi drabi jissejħu wkoll id-diskorsi ta’ Ġesù fil-kamra ta’ fuq. Il-kamra ta’ fuq kienet post fuq il-bejt, probabbli mgħottija b’xi drapp, u li kienet tkun aċċessibbli minn barra d-dar. Allura hekk probabbli Ġesù u d-dixxipli tiegħu telgħu f’din il-kamra mingħajr ma ddisturbaw lil min kien jgħix f’dik id-dar. It-terminu kamra ta’ fuq ma nsibuhx fl-Evanġelju skont San Ġwann, imma nsibuh fl-Evanġelji skont San Mark u skont San Luqa. Kif nsibu f’San Mark:
“Fejn tridna mmorru nħejju biex tiekol l-ikla tal-Għid?” Imbagħad hu bagħat tnejn mid-dixxipli tiegħu u qalilhom: “Morru l-belt, u tiltaqgħu ma’ raġel iġorr ġarra ilma. Morru warajh, u għidu lil sid id-dar ta’ fejn tarawh dieħel, ‘Qallek l-Imgħallem: Fejn hi l-kamra tiegħi li fiha nista’ niekol l-ikla tal-Għid mad-dixxipli tiegħi?’ U hu jurikom kamra kbira fuq, mgħammra u lesta. Ħejjulna hemmhekk.”
Mark 14, 12-15
Għalkemm San Ġwann ma jagħtix dettalji fuq kif sabu dan il-post għall-aħħar ċena, hu jikteb fuq x’ġara waqt din l-ikla fejn fost l-oħrajn Ġesù ħasel saqajn id-dixxipli tiegħu. Ġesù f’dan il-mument jagħmel diskorsi importanti ħafna, qabel ma’ jibda l-mixja lejn il-passjoni tiegħu.