Ir-Riforma tal-Liturġija
Meta ġew biex jitkellmu dwar ir-riforma nnifisha tal-liturġija—li kien ilu jinħass il-bżonn tagħha—il-Padri Konċiljari jistabbilixxu li l-għan ta’ kull riforma ssuġġerita huwa “biex il-poplu nisrani jkun aktar żgur li jaqla’ kotra ta’ grazzji mil-liturġija mqaddsa” (par. 21).
L-ewwel distinzjoni li nsibu fid-dokument hija bejn partijiet tal-liturġija li ma jistgħux jitbiddlu għax huma mwaqqfa minn Alla, u “partijiet li jistgħu jitbiddlu u li matul iż-żminijiet jistgħu jew għandhom jinbidlu jekk fihom ikunu daħlu xi elementi li ma jaqblux ħafna man-natura intima tal-liturġija nnifisha, jew li jkunu saru anqas addattati” (par. 21). Din id-distinzjoni tagħti direzzjoni tajba lil kull riforma sabiex jiġi mħares dak li hu essenzjali mingħajr ma dan jisfa’ maħnuq minn dak li hu inqas essenzjali imma li xi minn daqqiet jieħu s-sopravvent.
Fost in-normi li mbagħad ikompli jisħaq fuqhom id-dokument huma li:
- it-tibdil ma jistax isir b’mod arbitrarju jew fuq inizjattiva personali imma mis-Sede Appostolika u, f’xi ċirkostanzi, mill-Konferenzi Episkopali biex hekk tiġi mħarsa l-liturġija bħala patrimonju tal-Poplu ta’ Alla u mhux bħala proprjetà privata jew personalizzata (par. 22);
- kull tibdil propost u meħtieġ ma jistax jitlef l-għeruq fit-Tradizzjoni ħajja tal-Knisja imma jrid isir b’mod organiku mal-forma liturġika ġa eżistenti (ara par. 23);
- għandha tingħata iktar importanza lill-kotba mqaddsa (ara par. 24 u 35), mhux biss għax ikun hemm iktar testi Bibliċi li jintużaw fil-liturġija imma wkoll permezz tat-tifsir u l-applikazzjoni tal-Kelma waqt l-omelija (ara par. 52) u t-talba tal-fidili li tfur mil-laqgħa mal-Kelma (ara par. 53);
- l-enfasi fuq l-irwol tal-komunità bħala preżenti u attiva (ara par. 27);
- “ir-riti għandhom ikunu ta’ sempliċità kbira, ċari fil-qosor tagħhom u mingħajr ripetizzjoni bla ħtieġa, magħmula skont il-ħila tal-fidili li jifhmu, u, in ġenerali, mingħajr ma jinħtieġu ħafna tifsir” (par. 34);
- filwaqt li l-ilsien liturġiku tar-Riti Latini jibqa’ l-Latin, ġie permess l-użu tal-lingwa tal-post b’mod speċifiku “fil-qari u fit-twissijiet, f’xi talb u f’xi kant” (par. 36; ara par. 54);
- “waqt li tibqa’ tinżamm l-unità f’dak li hu sostanzjali fir-rit Ruman, jistgħu jsiru tibdiliet u adattamenti leġittimi għal gruppi, reġjuni u popli differenti, l-aktar fil-missjonijiet” (par. 38).
Barra minn hekk, il-Missirijiet tal-Konċilju qablu li jerġa’ jitwaqqaf il-katekumenat tal-kbar bi tħejjija għall-magħmudija (par. 64), isir rit speċifiku għall-magħmudija tat-trabi (par. 67), u toħroġ iktar fid-deher ir-rabta bejn is-Sagramenti tad-Dħul tal-Ħajja Nisranija, jiġifieri l-Magħmudija, il-Griżma tal-Isqof, u l-Ewkaristija (ara par. 71). Ma’ dan kellha wkoll issir riforma fiċ-ċelebrazzjoni tal-Liturġija tas-Sigħat sabiex joħroġ iktar l-aspett ekkleżjali ta’ din it-talba, u r-riforma tal-kalendarju liturġiku sabiex ikun iktar Kristoċentriku u tingħata l-importanza mistħoqqa lill-Ħadd bħala “l-ewwel jum ta’ festa li qatt kellha l-Knisja” (par. 106).
Sintendi, ma jistax jonqos li seħħew diversi żviluppi f’dawn is-sittin sena li għaddew minn meta dan id-dokument ġie ppromulgat. U anke l-Knisja stess minn żmien għal ieħor tbiddel in-normi tagħha skont il-ħtiġijiet f’dinja kontinwament tinbidel. Imma, qalb din l-instabbiltà kollha, l-istabbiltà ritmika u ritwali tal-liturġija tibqa’ tkun punt stabbli ta’ referenza u l-blata li fuqha tissejjes il-ħajja tan-Nisrani li tingħex “minn Ħadd għal Ħadd” filwaqt li “timxi ′l quddiem lejn il-Ħadd bla tmiem ta’ Ġerusalemm tas-sema” (Ġwanni Pawlu II, Ittra Appostolika dwar it-tqaddis ta’ Jum il-Mulej, Dies Domini (31 Mejju 1998), par. 84).