Dei Verbum u r-Rivelazzjoni

Dei Verbum huwa wieħed mid-dokumenti tal-Konċilju Vatikan II u jitkellem dwar ir-rivelazzjoni divina. X’inhi rivelazzjoni? F’punti differenti tal-istorja tal-umanità, Alla għażel li juri ruħu lill-bniedem. L-għan prinċipali ta’ dan id-dokument hu li jagħti tagħlim ċar dwar ir-rivelazzjoni divina u kif tiġi mgħoddija lil oħrajn. B’hekk, permezz tas-smigħ tal-messaġġ tas-salvazzjoni, kulħadd jemmen, jittama u jħobb. Għaldaqstant, permezz ta’ din ir-rivelazzjoni, Alla li ma jidhirx jitkellem magħna bl-abbundanza tal-imħabba u jgħix magħna biex aħna ningħaqdu dejjem iżjed miegħu. Il-verità sħiħa dwar Alla u s-salvazzjoni tal-bniedem tidher b’mod ċar fi Kristu, li huwa kemm il-medjatur u anke l-milja tar-rivelazzjoni kollha.

Sa mill-bidu, Alla wera lilu innifsu lill-ewwel bnedmin, lil Abram biex jagħmel minnu nazzjon Qaddis, lill-patrijarki, lil Mosè, u lill-profeti. Permezz tal-profeti Alla għallem lill-poplu biex jagħrfu bħala Alla l-ħaj, u biex jistenna lis-Salvatur li kien imwiegħed minnu. Kif jgħid l-awtur tal-ittra lil Lhud:

Alla fl-imgħoddi kellem lil missirijietna ħafna drabi u b’ħafna manjieri permezz tal-profeti. Issa f’dan l-aħħar żmien, huwa kellimna permezz ta’ Ibnu.

Lhud 1, 1-2a

Ġesù huwa l-milja tar-rivelazzjoni għax jagħmel lilu nnifsu preżenti permezz tal-kliem, l-għemil, is-sinjali u l-għeġubijiet li għamel, iżda b’mod partikolari bil-mewt u l-qawmien tiegħu. Permezz tal-qawmien tiegħu u anke tal-għoti tal-Ispirtu s-Santu, Ġesù kkonferma li Alla huwa magħna u ħelisna mill-jasar tal-mewt u tad-dnub.

F’paragrafu sitta nsibu mfisser b’mod dirett li, permezz tar-rivelazzjoni divina, Alla għażel li jaqsam magħna il-ġid divin li jittraxxendi ir-razzjonalità tal-bniedem. Lil Alla, il-bidu u t-tmiem ta’ kollox, nistgħu nagħrfuh b’ċertezza mill-ħolqien permezz tad-dawl tar-raġuni tal-bniedem. Biss, permezz tar-rivelazzjoni tiegħu huwa possibli li l-veritajiet reliġjużi li huma fin-natura tagħhom aċċessibli għar-raġuni umana jistgħu jsiru magħrufin faċilment, b’ċertezza u mingħajr żball, anke fis-sitwazzjoni preżenti tal-umanità. Din iċ-ċertezza hija wkoll enfasizzata minn San Pawl, fl-ittra tiegħu lir-Rumani meta jgħid:

Il-kobor tiegħu li ma jidhirx, jiġifieri s-setgħa tiegħu ta’ dejjem, u d-divinità tiegħu, huma setgħu jagħrfuh sa mill-ħolqien tad-dinja, permezz tal-ħlejjaq, u għalhekk ma għandhom ebda skuża.

Rum 1, 20

Fl-artikli li ġejjin se nkomplu nespandu fuq l-implikazzjonijiet ta’ dan it-twemmin fundamentali tal-Knisja mtenni b’mod solenni fil-Konċilju.