L-Iskrittura: l-Ispirazzjoni Divina u l-Interpretazzjoni

Fit-tielet kapitlu, id-dokument tal-Konċilju Dei Verbum jitkellem dwar l-ispirazzjoni u l-interpretazzjoni tal-Kelma ta’ Alla mwassla lilna fil-Bibbja. Ir-realtajiet divini li ġew irrivelati, u li jinsabu fl-Iskrittura Mqaddsa, inkitbu taħt l-ispirazzjoni tal-Ispirtu s-Santu. Il-Knisja toqgħod fuq it-twemmin tal-appostli, u tagħmilha ċara li l-kotba kollha tat-Testment il-Ġdid u l-Qadim huma sagri u kanonċi għax inkitbu bl-ispirazzjoni tal-Ispirtu s-Santu. Fil-kumpilazzjoni ta’ dawn il-kotba mqaddsa, Alla għażel nies ordinarji sabiex, permezz tal-abbiltajiet tagħhom u permezz tal-ħidma tiegħu fihom u permezz tagħhom, bħala awturi jiktbu dak li Alla ried minnhom. Allura, il-kotba fl-Iskrittura “jgħallmu b’ċertezza, b’fedeltà u mingħajr żbalji l-verità … għas-salvazzjoni tagħna” (par. 11). Fil-fatt, fit-tieni ittra tiegħu lil Timotju, San Pawl jagħmel enfasi fuq l-ispirazzjoni meta jgħid li:

L-Iskrittura kollha hija mnebbħa minn Alla, u tiswa biex wieħed jgħallem, iċanfar, iwiddeb u jrawwem fis-sewwa, biex hekk il-bniedem ta’ Alla jkun perfett, imħejji għal kull ħidma tajba.

2 Tim 3, 16-17

Mill-banda l-oħra, biex nagħrfu l-intenzjoni tal-awturi sagri, irridu nagħtu attenzjoni għad-diversi forom letterarji li bihom huma miktuba l-kotba mqaddsa. Dan għaliex, il-verità hija espressa b’modi differenti f’testi ta’ natura storika, profetika, poetika, u l-kumplament. Għaldaqstant, min ikun qed jinterpreta l-kotba mqaddsa irid “jinvestiga” dak li l-awtur sagru ried juri, u anke s-sitwazzjoni ta’ żmienu. Minħabba li l-Iskrittura Mqaddsa trid tinqara u tiġi interpretata fl-ispirtu sagru li bih inkitbu, trid tingħata attenzjoni wkoll lill-kontenut u l-unità tal-Iskrittura kollha. Fl-Iskrittura Mqaddsa, allura, filwaqt li l-verità u l-qdusija ta’ Alla jibqgħu ċari, wieħed irid japprezza il-fatt li l-għerf ta’ Alla ‘niżel’ għal-livell tagħna, u addatta il-‘lingwa’ tiegħu għan-natura dgħajfa tagħna. Kif jgħid id-dokument Dei Verbum,

Il-kliem ta’ Alla mogħti lilna b’ilsna ta’ bnedmin, sar jixbah il-kliem tal-bniedem, kif l-Iben tal-Missier Etern, meta ħa d-dgħjufija tan-natura ta’ bniedem, sar jixbah lill-bniedem.

Dei Verbum, par. 13