It-Testment il-Qadim

Id-dokument Dei Verbum jitkellem ukoll dwar l-importanza u r-relevanza tat-Testment il-Qadim għalina l-Insara. Dan għaliex, fil-pjan tiegħu tas-salvazzjoni tal-umanità, Alla ta’ mħabba infinita għażel nies biex jafdalhom il-wegħdiet tiegħu. Fil-Ktieb tal-Ġenesi nsibu kif Alla daħal f’patt ma’ Abraham, u mbagħad fil-ktieb tal-Eżodu, daħal f’patt mal-poplu Lhudi. Lil dan il-poplu, li hu kiseb għalih, Alla wera lilu innifsu permezz tal-kliem u l-għemil bħala Alla l-ħaj. Meta Alla tkellem b’fomm il-profeti, il-poplu Lhudi għaraf aħjar it-toroq tiegħu u b’hekk setgħu jagħmluhom magħrufa fost il-ġnus. Il-pjan tas-salvazzjoni li tħabbar mill-awturi sagri tat-Testment il-Qadim huwa verament il-Kelma ta’ Alla. Bħalma jgħid San Pawl fl-Ittra lir-Rumani:

Kulma nkiteb fl-Iskrittura fl-imgħoddi, inkiteb għat-tagħlim tagħna, biex bis-sabar u bil-faraġ li tagħtina l-Iskrittura, aħna jkollna t-tama.

Rum 15, 4

Huwa essenzjali li wieħed jinnota li l-proċess tat-Testment il-Qadim fuq kollox kien maħsuba biex jipprepara lill-poplu għall-miġja ta’ Kristu, is-Salvatur tagħna. Il-kotba tat-Testment il-Qadim jwasslu lill-bniedem għall-għarfien ta’ Alla u kif hu jimxi magħna bil-ġustizzja u l-ħniena. Dawn l-istess kotba jagħtu espressjoni tas-sens ħaj ta’ Alla, u fihom tagħlim dwar Alla, għerf dwar il-ħajja umana, u teżor prezzjuż ta’ talb. It-talba li għamlu Tobija u Sara żgur li hija waħda li tixhed kemm it-Testment il-Qadim jinkludi verament teżor prezzjuż ta’ talb:

“Imbierek int, o Alla ta’ missirijietna, u mbierek ismek għal dejjem ta’ dejjem. Iberkuk is-smewwiet u l-ħolqien kollu għal dejjem ta’ dejjem.”

Tob 8, 5

Rigward l-għaqda bejn it-Testment il-Qadim u l-Ġdid, il-Missirijiet tal-Konċilju jistqarru li Alla ispira u huwa l-awtur taż-żewġ testmenti (jiġifieri kemm il-qadim u kif ukoll l-ġdid), u saru b’tali mod li “t-Testment il-Ġdid ikun moħbi fil-Qadim,” u t-Testment il-Qadim jiġi mmanifestat fil-ġdid. Minkejja li Kristu stabillixa l-patt il-ġdid permezz tad-demm tiegħu, it-tifsira tal-kotba tat-Testment il-Qadim ħadu il-fehim sħiħ tagħhom fit-Testment il-Ġdid u, iżjed minn hekk, dawn il-kotba jitfgħu dawl fuq it-Testment il-Ġdid u jispjegawh (ara par. 16).