It-Testment il-Ġdid

Meta waslet il-milja taż-żminijiet, “il-Verb sar bniedem u għammar fostna, u aħna rajna l-glorja tiegħu” (Ġw 1, 14a). “Kristu waqqaf is-saltna ta’ Alla fuq l-art” u immanifesta lil Missier u lilu nnifsu bil-kliem u l-għemil li wettaq (par. 17). Dan kollu ġie komplut bil-mewt, il-qawmien, it-tlugħ fis-sema u bl-għotja tal-Ispirtu s-Santu. Hu, li ġie mgħolli ’l fuq mill-art u li waħdu għandu l-kliem tal-ħajja ta’ dejjem, ġibed in-nies kollha lejh. Dan il-misteru ġie rrivelat lill-appostli u lid-dixxipli permezz tal-Ispirtu s-Santu biex ixxandru l-Aħbar it-Tajba u jqanqlu l-fidi f’Ġesù, u b’hekk jinġabru flimkien bħala Knisja. Għaldaqstant, il-kitbiet tat-Testment il-Ġdid huma xhieda divina ta’ dawn ir-realtajiet li esperjenzaw l-appostli.

Fost il-Kotba Mqaddsa kollha, anke dawk tat-Testment il-Ġdid, l-Evanġelji għandhom importanza speċjali għax “x-xhieda ewlenija tal-ħajja u t-tagħlim tal-Verb magħmul Bniedem, is-Salvatur tagħna” (par. 18). Il-Knisja dejjem affermat li l-erba’ Evanġelji huma ta’ oriġini appostolika. Il-predikazzjoni tal-appostli, kif mogħtija bħala kmand minn Ġesù, kienet essenzjali biex, permezz tal-ispirazzjoni tal-Ispirtu s-Santu, l-erba’ Evanġelji ġew mgħoddija lilna bil-kitba. L-awturi sagri kitbu l-erba’ Evanġelji, u għażlu partijiet mill-ħafna li ġew mgħoddija lilhom bil-kliem jew bil-kitba. Fl-Evanġelju skont San Luqa, l-awtur sagru nnifsu jistqarr:

Bosta kienu dawk li ħadu f’idejhom ix-xogħol li jiġbru bl-ordni f’rakkont wieħed il-ġrajja li seħħew fostna, kif għaddewhom lilna dawk li sa mill-bidu rawhom b’għajnejhom stess u saru ministri tal-kelma.

Lq 1, 1-2

Apparti l-erba’ Evanġelji, il-kanoni tat-Testment il-Ġdid jinkludi wkoll l-Ittri ta’ San Pawl u ittri u kitbiet appostoliċi oħra. Dawn ukoll ġew komposti bl-ispirazzjoni tal-Ispirtu s-Santu, u permezz tagħhom, skont il-pjan ta’ Alla, il-fatti dwar Ġesù Kristu ġew ikkonfermati, it-tagħlim tiegħu ġie enfassizat b’mod ċar, il-qawwa tiegħu li ssalva ġie pprietkata, u twasslulna wkoll r-rakkont tal-bidu tal-Knisja u tat-tkabbir tagħha. Fl-aħħar mill-aħħar, Ġesù stess kien mal-appostli kif kien wiegħed, u bagħat l-Ispirtu tal-verità biex iwwassalhom għall-verità kollha (ara Ġw 16, 13).