Il-Kelma ta’ Alla fil-ħajja tal-Knisja

Il-Knisja dejjem tat importanza lill-Kelma ta’ Alla kif tagħti importanza lil Ewkaristija. B’mod partikolari fil-liturġija, il-Knisja tirċievi u toffri lil dawk li jemmnu l-ħobż tal-ħajja mill-mejda tal-Kelma ta’ Alla u tal-Ġisem ta’ Kristu. Il-predikazzjoni tal-Knisja irid ikollha bħala bażi l-Kelma ta’ Alla, u dan għaliex: “fil-Kotba Mqaddsa l-Missier li hu fis-smewwiet jiltaqa’ bi mħabba kbira ma’ wliedu u jidħol f’konversazzjoni magħhom” (par. 21). Il-qawwa tal-Kelma ta’ Alla hija l-għajn tal-enerġija tal-Knisja, il-qawwa tal-fidi, l-ikel tar-ruħ, u s-sors tal-ħajja spiritwali. L-awtur tal-Ittra lil Lhud denjament jgħid li

Il-kelma ta’ Alla hi ħajja u qawwija, taqta’ aktar minn xabla b’żewġt ixfar; hija tinfed sa tifred minn xulxin ir-ruħ u l-ispirtu u l-ġogi u l-mudullun; u tgħarbel il-ħsibijiet u l-fehmiet tal-qalb.

Lhud 4, 12

Apparti minn hekk, il-Kelma ta’ Alla għandha l-qawwa li lil dawk li jisimgħuha tibnihom u tagħtihom sehem fost dawk li huma kkonsagrati lilu (ara Atti 20, 32).

Fid-dokument tal-Konċilju Vatikan II, Dei Verbum, il-Knisja tindika li qed tfittex biex timxi ’l quddiem għal għarfien aktar fil-fond tal-Iskrittura Mqaddsa “biex tkun tista’ tgħajjex bla heda ’l uliedha bil-kliem ta’ Alla” (par. 23). L-għan tal-Knisja f’dan il-każ huwa li ddawwal l-imħuħ tal-fidili, issaħħaħ ir-rieda tagħhom, u fl-istess waqt tixgħel il-fjamma tal-imħabba ta’ Alla ġo fihom. Fir-rigward tal-istudji teoloġiċi, il-Padri Konċiljari jistqarru li

It-Teoloġija mqaddsa għandha bħala pedament tagħha għaż-żmien kollu l-kelma ta’ Alla miktuba u t-Tradizzjoni Mqaddsa; fuq dan il-pedament hija tissaħħaħ b’qawwa u ssir iżjed żagħżugħa billi tfittex fid-dawl tal-fidi kull verità moħbija fil-misteru ta’ Kristu. … L-istudju tal-Kotba Mqaddsa għandu jkun bħar-ruħ tat-teoloġija mqaddsa. Il-ministeru tal-kelma wkoll, jiġifieri l-predikazzjoni pastorali, il-katekiżmu u t-tagħlim nisrani kollu, li fih l-omelija liturġika għandu jkollha post privileġġjat, isib ikel tajjeb fil-kelma tal-Iskrittura u jissaħħaħ biha fil-qdusija.

Dei Verbum, par. 23

Dan id-dokument tal-Konċilju jagħlaq bix-xewqa li, permezz tal-qari u l-istudju tal-Kotba Mqaddsa, il-Kelma ta’ Alla tinfirex b’mod aktar mgħaġġel u tiġi gglorifikata, u t-teżor tar-rivelazzjoni, li hu fdat f’idejn il-Knisja, jimla dejjem aktar il-qlub tal-bnedmin. Bħalma il-ħajja tal-Knisja hija sostnuta biċ-ċelebrazzjoni frekwenti tal-misteru Ewkaristiku, hekk ukoll “hekk nistgħu nittamaw ħeġġa ġdida fil-ħajja spiritwali jekk tikber il-qima lejn il-Kelma ta’ Alla” (par. 26), għax, kif jgħid il-Profeta Isaija, “Il-ħaxix jinxef, u l-ward jidbiel, iżda l-kelma tal-Mulej tibqa’ għal dejjem” (Is 40, 8).