“Knisja, x’tgħid dwarek innifsek?”

Fil-ktieb tiegħu dwar l-implementazzjoni ta’ Vatikan II, Karol Wojtyla (dak iż-żmien kardinal) kiteb li l-ewwel mistoqsija li tpoġġiet quddiem il-Konċilju kienet: Ecclesia, quid dicìs de te ipsa?—Knisja, x’tgħid dwarek innifsek? It-tweġiba tal-Konċilju għal din il-mistoqsija hi mfissra b’mod sħiħ fid-dokument li se nesploraw illum u fil-ġimgħat li ġejjin: Lumen Gentium.

Lumen Gentium huwa wieħed mill-erba’ kostituzzjonijiet ewlenin tal-Konċilju Vatikan II. Il-mistoqsija,“Knisja, x’tgħid dwarek innifsek?” hija ta’ interess għalina wkoll, partikolarment bħala Kattoliċi li b’mod attiv jiffurmaw parti mill-Knisja. Fl-istess waqt, Lumen Gentium jagħmilha ċara li l-iskop tad-dokument huwa li jiddeskrivi in-natura u l-missjoni universali tal-Knisja għad-dinja kollha. Għalhekk, l-udjenza mhijiex limitata biss għall-Kattoliċi imma għall-umanità kollha.

Allura, ‘x’inhi’ il-Knisja? Waħda mill-ewwel deskrizzjonijiet użati biex jiddeskrivu il-Knisja hija proprju li hi “s-saltna tas-sema fl-art” (par. 3). Hawnhekk, il-Knisja narawha bħala realtà li ssib postha fl-ispazju u ż-żmien bil-għan li twassal ‘is-Sema’—jiġifieri lil Alla—lilna:

Meta f’Adam il-bnedmin waqgħu fid-dnub, Alla ma telaqhomx u tahom dejjem l-għajnuna biex isalvaw fi Kristu li kellu jkun il-Feddej u “li hu x-xbieha ta’ Alla li ma jidhirx, il-kbir fost il-ħlejjaq kollha” (Kol 1,15).

Lumen Gentium, par. 2

Il-Knisja teżisti għax Alla l-Missier jixtieq jirrikonċilja lill-umanità miegħu nnifsu mill-ġdid. Dan ifisser li l-Knisja hija forma ta’ duwa (mediċina) bil-għan li tfejjaq u tgħaqqad lill-bnedmin kollha ma’ Alla u magħhom infushom. Fil-fatt, Lumen Gentium malajr jinnota li l-Knisja evolviet “b’mod tal-għaġeb fil-ġrajja tal-poplu ta’ Israel u fil-patt il-qadim” u kif dan l-iżvilupp għadu għaddej sal-lum, sakemm tasal għall-milja tagħha meta ‘l-ġusti’ “jinġabru fil-Knisja universali quddiem il-Missier” (par. 2).

F’dar-rigward, jeħtieġ li nitkellmu dwar l-irwol ta’ Kristu f’dan kollu. Lumen Gentium jispjega li hu Kristu nnifsu, permezz tal-inkarnazzjoni, il-passjoni, u l-qawmien tiegħu, li b’mod konkret inawgura din is-Saltna tas-Sema fuq l-art. L-ubbidjenza ta’ Kristu għamlet possibbli l-fidwa ta’ kulħadd! Illum, din il-fidwa issir possibbli primarjament permezz tal-Knisja u tas-Sagramenti tagħha li permezz tagħhom jaġixxi Kristu:

Kull darba li s-sagrifiċċju tas-salib, li fih “Kristu l-Ħaruf tal-Għid tagħna hu maqtul” (1 Kor 5,7), ikun iċċelebrat fuq l-altar, tiġġedded il-fidwa tagħna. Fl-istess ħin bis-sagrament tal-ħobż ewkaristiku tintwera u sseħħ l-unità tal-fidili li jagħmlu ġisem wieħed fi Kristu (ara 1 Kor 10,17).

Lumen Gentium, par. 3

Huwa wkoll permezz tal-Knisja li r-Rivelazzjoni—l-Iskrittura u t-Tradizzjoni—tesprimi ruħha. Għaldaqstant, is-Sagramenti u r-Rivelazzjoni huma mezzi li permezz tagħhom nesperjenzaw b’mod dirett lil Alla nnifsu u l-imħabba, il-maħfra, u l-grazzja tiegħu.

Kapitlu I eventwalment jitkellem dwar l-Ispirtu s-Santu bħala l-prinċipju tal-għaqda li jorbot flimkien lil Kristu, ir-Ras, mal-Ġisem Mistiku tiegħu, il-Knisja. Hawnhekk, l-Ispirtu jista’ jiġi mqabbel ma’ ruħ il-bniedem jew il-prinċipju tal-ħajja fina, li jgħaqqad flimkien il-membri differenti u fl-istess waqt jagħti l-ħajja lill-ġisem kollu.

Forsi l-ikbar sfida tal-Knisja llum hija s-suppożizzjoni li l-Knisja mhijiex indispensabbli fir-relazzjoni tagħna ma’ Kristu. Dan narawh fl-emfasi li ċerti Nsara jpoġġu fuq Kristu bħala “s-Sid u s-Salvatur personali” tagħna, u wkoll fid-drawwa, anke fost il-Kattoliċi, li jqisu sal-istess tagħlim fundamentali tal-Knisja sempliċiment bħala possibbiltà fost diversi oħrajn. Il-frażi, “Jien Kattoliku, imma l-ewwel jien Nisrani,” hi pjuttost komuni—bħallikieku jista’ jkun hemm xi firda bejn Kristu u l-Knisja tiegħu. Imma l-verità hi li Kristu nnifsu jagħmilha ċara li ma jistax ikun hemm din il-firda. Kristu jidentifika ruħu mal-Knisja tiegħu (Ġw 15, 4-5; Atti 9, 4-5). Ma jistax ikun li jkollok relazzjoni ma’ Kristu r-Ras mingħajr ma tkun marbut mal-Knisja, il-Ġisem tiegħu, bħalma ma jistax ikollok relazzjoni ma’ ras kwalunkwe persuna bla ma jkollok kuntatt mal-ġisem tiegħu!

Fid-dawl ta’ dan kollu, il-Missirijiet tal-Konċilju wrew li is-sitwazzjoni preżenti tagħmel iktar urġenti il-ħtieġa li l-Knisja tiddefinixxi in-natura u l-missjoni tagħha, jiġifieri n-natura tagħha bħala dawl tal-ġnus u l-missjoni tagħha li twassal id-dawl ta’ Kristu lil kulħadd. Hu għalhekk ukoll li dokument bħal Lumen Gentium għadu daqstant relevanti llum. Iktar illum milli fl-1964, fi ftit mumenti, nies imferrxin madwar id-dinja kollha jsiru jafu dwar avvenimenti li qed iseħħu kullimkien. F’dar-rigward, id-dinja donnha ċkienet u, filwaqt li n-nies saru iktar konxji ta’ ġrajjiet li qegħdin jaffetwaw persuni oħra, xorta waħda nħossuna iktar iżolati għax it-teknoloġija tagħna tippermettilna noħolqu psewdo-relazzjonijiet li jeżistu biss fid-dinja virtwali u mhux fi żmien u spazju reali. Iktar ma nitilfu dan is-sens ta’ kuntatt bejnietna, iktar nirriskjaw li nitilfu l-komunjoni tagħna ma’ Alla. Dawn it-tnejn huma marbutin sew ma’ xulxin u jsibu għaqda sħiħa fil-Knisja, fejn il-bnedmin kollha jerġgħu jiksbu il-ħbiberija tagħhom mal-Missier bħala ‘wlied adottivi’ u fiha jiddi b’qawwa wiċċ Alla.