It-Tagħlim Liturġiku u s-Sehem Ħaj fil-Liturġija

Prinċipju ieħor li l-Kostituzzjoni tal-Konċilju Vatikan II dwar il-Liturġija telenka u tisħaq fuqu huwa bla dubju li n-Nisrani mhuwiex spettatur fl-azzjonijiet liturġiċi imma huwa wkoll protagonista li jrid jieħu “sehem sħiħ, ħaj u li jinftiehem fiċ-ċelebrazzjonijiet liturġiċi” (par. 14). Dan għaliex, permezz tal-magħmudija, kull Nisrani hu membru ta’ Kristu s-Saċerdot, il-Profeta u s-Sultan, kif ilissen is-saċerdot waqt li jidlek biż-żejt tal-Griżma lit-tarbija li tkun għadha kemm tgħammdet.

Biex dan is-sehem attiv fil-liturġija jkun possibbli, hu meħtieġ li l-Insara jiġu mrawma fit-tifsir u l-implikazzjonijiet tal-azzjonijiet u l-kliem li jiffurmaw il-liturġija. F’dan il-kuntest, mhux ta’ b’xejn li l-Missirijiet tal-Konċilju saħqu fuq il-ħtieġa li s-saċerdoti—u b’estensjoni nistgħu ninkludu wkoll il-katekisti u dawk kollha li b’xi mod huma involuti fil-formazzjoni Nisranija—huma stess jeħtieġ li jħallu l-liturġija timliehom bil-qawwa u l-ispirtu tagħha. Kif ngħidu, “Ħadd ma jista’ jagħti minn dak li m’għandux.”

L-għarfien ta’ xi jfissru l-ġesti u s-simboli użati waqt il-liturġija mhux biss imissu dak li hu mill-iktar uman fina—wara kollox, anke barra l-liturġija, ilkoll nużaw il-ġesti u s-simboli biex nikkomunikaw u nesprimu ruħna—imma anke jiftħuna għall-misteru ta’ Alla li resaq qrib tagħna u għażel ġesti u simboli sabiex permezz tagħhom jiġi jiltaqa’ magħna u joffrilna s-salvazzjoni. F’dan ir-rigward, il-liturġija timxi mal-prinċipju tal-inkarnazzjoni li ma ssalvax mill-bogħod imma tidħol fil-limiti umani u permezz tagħhom twassal dak li hu għal kollox bla limiti għax hu mħabba infinita.

Fir-rigward tas-sehem ħaj u attiv fil-liturġija, Sancrosanctum Concilium jispeċifika modi ta’ kif dan jista’ jseħħ, bħalma huma “l-akklamazzjonijiet, it-tweġibiet, u l-kant tas-salmi, antifoni, innijiet, u wkoll l-azzjonijiet jew ġesti, u l-qagħda esterna ta’ min jieħu sehem,” u “s-skiet imqaddes … f’ħinu u f’waqtu” (par. 30). Għaldaqstant, “fir-reviżjoni tal-kotba liturġiċi wieħed għandu joqgħod attent ħafna li r-rubriki [in-noti li jiddeskrivu l-azzjonijiet] jitħaddtu wkoll fuq is-sehem tal-fidili” (par. 31).

Però l-parteċipazzjoni attiva ma titfissirx biss b’mod estern imma tesiġi dispożizzjoni interjuri ta’ ftuħ għall-misteru li ma jibqax mistur imma jiġi jiltaqa’ magħna b’mod mill-iktar sottili u sieket. Dan mhuwiex maqtugħ min-natura mlaħħma tagħna għax l-esperjenza interjuri sseħħ ukoll permezz tas-sensi tagħna bħalma huma s-smigħ attent u l-ħars iffukat fuq fejn qed isseħħ l-azzjoni liturġika. Anke dak is-smigħ u l-ħars, li jistgħu jidhru mill-iktar passivi, xorta waħda għandhom il-qawwa li jerfgħu ’l fuq l-ispirtu tagħna, bħalma huma l-mużika sagra u l-kliem poetiku, l-użu tal-inċens jew tax-xemgħat u d-dwal, l-arti fil-post fejn tiġi ċċelebrata l-liturġija, u l-armonija u l-ordni b’mod partikolari madwar l-altar. Dawn kollha jgħinu sabiex tkun iktar faċli għall-Poplu ta’ Alla li jiltaqa’ tassew ma’ Alla u ma’ ħutu, ulied l-istess Missier f’Ġesù Kristu.