
Minn tlugħ ix-xemx sa nżulha
L-għasar, illum il-Ħadd 31 ta’ Diċembru 2023
Salm 112 (113)
Ikun imfaħħar isem il-Mulej
Niżżel is-setgħana minn fuq it-tron tagħhom u għolla ċ-ċkejknin. (Lq 1:52)
Faħħru, qaddejja tal-Mulej, *
faħħru isem il-Mulej.
Ikun imbierek isem il-Mulej, *
minn issa u għal dejjem!
Minn tlugħ ix-xemx sa nżulha *
ikun imfaħħar isem il-Mulej!
Għoli fuq il-ġnus kollha l-Mulej, *
ogħla mis-smewwiet hu sebħu.
Min hu bħall-Mulej, Alla tagħna, †
li qiegħed fl-għoli? *
Hu li jħares ’l isfel, lejn is-smewwiet u lejn l-art.
Hu li jqajjem mit-trab l-imsejken, *
u jerfa’ mill-miżbla l-fqajjar,
biex mal-kbarat iqiegħdu, *
mal-kbarat tal-poplu tiegħu.
Il-mara bla wlied iqegħedha f’darha, *
jagħmilha omm ferħana b’uliedha.
Glorja.
Ant. 1: X’bidla tal-għaġeb! Il-Ħallieq tal-bnedmin ħa ġisem ħaj u twieled minn Marija Verġni; sar bniedem bħalna biex jagħtina sehem fin-natura tiegħu ta’ Alla.
Ant. 2: Bit-twelid tiegħek tal-għaġeb minn Marija Verġni seħħet l-Iskrittura: inżilt bħal xita fuq ir-raba’ bil-għatx, biex issalva l-bnedmin. Tkun imfaħħar, Alla tagħna!
Kompli itlob billi żżur is-Salmi tal-ġurnata fuq https://brevjar.knisja.mt/