Il-Quddiesa, il-komunità, u l-imberkin tfal!

Illum u fil-ġimgħat li ġejjin se nesploraw forom u metodi differenti li jgħinuna biex nikkomunikaw ma’ Alla fit-talb.

Waħda mill-ewwel esperjenzi ta’ talb ġeneralment tkundik komunitarja, partikolarment il-quddiesa. Wara li niġu mgħallma rroddu s-salib u xi talba qabel norqdu—li kważi kważi tkun parti mir-ritwal-‘logħba’ ta’ kull filgħaxija—il-quddiesa tkun mument fejn niġu ‘inizjati’ fir-realtà iktar kumplessa tat-talb, partikolarment li t-talb mhux kwistjoni ta’ bejni u bejn Alla biss imma jdaħħalna fir-realtà iktar kumplessa tal-Knisja, tal-Poplu ta’ Alla li jinġabar madwar il-Mulej biex ifaħħru, iroddlu ħajr u jilqa’ mingħandu d-doni tiegħu.

Il-fatt li l-knisja nkunu flimkien mhuwiex koinċidenza jew għax ma jistax ikun mod ieħor, imma għax aħna komunità, aħna familja, aħna Knisja, u fl-ispazju ta’ bejnietna, fit-tislima tal-paċi li qabel it-tqarbin nagħtu m’hemmx biss formalità imma hemm dan l-għarfien li l-ispazju tal-komunità hu spazju importanti.

Bħala tfal, il-knisja konna niltaqgħu ma’ ħbieb tal-ġenituri li biż-żmien isiru wkoll ‘ħbieb’ tagħna għax nistgħu nidħqulhom u jsellmulna lura. Forsi konna nsibu tfal tamparna—biċ-ċans li iktar tispiċċa funpark milli knisja … Dawk li huma ftit ikbar, l-esperjenza tagħhom kienet xi ftit iktar dixxiplinata minn hekk. Imma dan kollu jgħin biex il-knisja ssir id-dar tagħna wkoll hekk li, meta nibdew nifhmu ftit iktar x’qed jiġri, inkunu diġà komdi u f’postna f’dan il-post qaddis u flimkien ma’ nies differenti imma lkoll miġburin flimkien.

Veru li, meta jkollok tfal żgħar, mhux daqstant faċli li tiġi l-knisja b’kulħadd miegħek, jew li żżomm it-tfal kemm jista’ jkun kwieti biex ma jtellfux lill-oħrajn. U, filwaqt li wieħed għandu jagħmlu dak li hu possibbli f’dan ir-rigward, il-komunità min-naħa tagħha għandha turi sabar u gratitudni għax il-preżenza taċ-ċkejknin hija sinjal ta’ ħajja u tama!

U f’dinja fejn ta’ spiss insibu ruħna iżolati, it-talb bħala komunità huwa spazju fejn tista’ tikber il-ħbiberija tagħna flimkien bħala dixxipli ta’ Ġesù. Ikun hemm nies li jgħidulek—u tinduna li veru—li qegħdin jitolbu għalik u jieħdu ħsiebek. Il-komunità hija spazju fejn, anke jekk ma nafux lil xulxin jew qatt ma tkellimna, imma l-fatt biss li ma tkunx waħdek ifarrġek għax tal-anqas taf li mhux qed taqdef waħdek kontra l-mewġ tal-ħajja. M’intix waħdek tipprova tgħix bis-serjetà s-sejħa li tkun Nisrani, li jekk trid hemm fuq min iddur biex jitlob għalik u jagħmillek kuraġġ. Fl-ispazju tal-ħbiberija hemm esperjenza konkreta tal-imħabba ta’ Alla, tat-tgħanniqa tiegħu meta nsibuna qegħdin negħrqu.