Ċertament, iċ-ċajta tar-rigali tal-maġi waqt kompetizzjoni fuq programm tar-radju żgur li smajtha: Meta mara ċemplet fuq ir-radju biex tieħu sehem fil-kompetizzjoni u l-preżentatur staqsiha: “X’kienu t-tliet rigali li ppreżentaw il-maġi lil Ġesù?” U dik wieġbet: “Deheb, inċens, u … ma nistax niftakarha ta!” U l-ieħor weġibha: “U ejja, Sinjura, ħafifa din. Ara, tixbah lill-birra.” U hi weġbitu: “Shandy?”
Għalkemm forsi m’għadhiex daqshekk tad-daħq jew narawha ftit vojta, sfortunatament din mhijiex ċajta imma hi reali ħafna. Sa mill-ewwel sekli, il-Knisja għarfet simboliżmu f’dawn l-għotjiet tal-maġi: deheb għax Ġesù hu Sultan; inċens għax Ġesù hu Alla; mirra għax, biex isalvana, ħa ġisem li jmut bħal tagħna u allura kien se jara wkoll id-difna, u l-mirra hija wieħed miż-żjut użati fid-difniet importanti.
U mhijiex daqshekk tad-daħq imma hi reali għax, bħall-preżentatur tal-programm tar-radju u s-sinjura li ċemplet, aħna nippreferu l-birra jew ix-shandy li nixorbuhom biex niċċelebraw—personalment nippreferi l-wiski u inti tippreferi xi xarba alkoħolika oħra, imma dak argument ieħor—jew nixorbuhom ukoll biex niskru u naħarbu mir-realtà konkreta mqar jekk biss għal ftit sigħat. U dan jgħodd ukoll għad-doni l-oħra li offrew il-maġi lil Ġesù. Id-deheb nippreferuh ma’ għonqna jew idejna milli fid-dar ta’ Alla jew bħala flus sabiex noffruhom lil Alla fil-fqar. L-inċens nippreferu naħarqu l-istikek tiegħu fis-salott jew nixegħlu xemgħat bil-fwieħa jew żjut oħra sabiex nitpaxxew aħna—kważi kważi naduraw lilna nfusna—flok biex nagħtu qima lil Alla. U l-mirra nippreferu nibdluha għax mhux faċli taċċetta l-morr tal-ħajja; mhux faċli taċċetta l-mard u r-realtà tal-mewt kemm tagħna nfusna u kif ukoll ta’ persuni madwarna; mhux faċli tibqa’ temmen waqt dan kollu; mhux faċli toffri l-mirra tal-ħajja wkoll bħala offerta lil Alla f’mumenti fejn ġeneralment l-uġigħ u n-niket iktar jagħlquna fina nfusna flok jiftħu ’l qalbna għal Alla u għall-oħrajn.
Imma huwa dak li mhuwiex faċli u li ma jiġiniex naturali li jista’ jwassal sabiex is-salib jikseb tifsira u ħajjitna ma tibqax bla sens. Huwa meta nagħżel lil Alla bħala Sidi li nkun tassew min jien għax jien maħluq xbieha tiegħu u mhux Hu xbieha tiegħi. Huwa meta nagħżel li l-inċens ta’ ħajti noffrih lil Alla f’talb u adorazzjoni li jiena nkun iktar bniedem sħiħ għax noħroġ mill-iżolament tiegħi u ma nibqax nippretendi li jiena dak li m’iniex u ma nistax inkun—jien m’iniex Alla—imma nsib posti bħala qaddej tallab quddiemu li qatt ma jagħlaq widnejh għall-inċens tat-talb tal-qaddisin, kif insibu fil-Ktieb tal-Apokalissi (Apok 5, 8). Huwa meta nħalli l-mirra mhux tkeffinni u tidfinni meta għadni ħaj imma nħalliha tfewwaħ dak li hu kkankrat, imniġġes, jinten fija, li mbagħad, anke meta nkunu qed imissu l-qiegħ, inkunu nistgħu nġarrbu s-sliem u, bħall-awtur tal-Ktieb tal-Għanja tal-Għanjiet, ruħna tassew tkun tista’ tistqarr: “Ħaddejh ħmiemel tal-balzmu, mixtliet ta’ ħxejjex ifuħu ħafna. Xufftejh qishom ġilji, iqattru mirra safja” (Għanja 5, 13), għax mhuwiex qabel ma mmissu l-ifnad qiegħ li l-Mulej idewwaqna l-ħlewwa ta’ mħabbtu.
Deheb, inċens, u mirra. Issa li, biex ngħidu hekk, kważi kważi għalaqna l-festi tal-Milied u daqt insibu ruħna fir-Randan bla ma nkunu nafu kif, jalla tassew nagħmlu l-istess offerta ta’ qima bil-ħajja kollha tagħna li għamlu l-maġi u ninxteħtu fl-art inqimuh sabiex ikun verament Sid, Alla u Feddej tagħna.