Bħal kull sena, il-ġranet bejn it-18 u l-25 ta’ Jannar huma jiem iddedikati għat-Talb għall-Għaqda fost l-Insara. It-tema li ġiet magħżula għal din is-sena hi: “Għandek tħobb il-Mulej Alla tiegħek … u lil għajrek bħalek innifsek” (Lq 10, 27). Din it-tema u l-materjal marbut magħha użat madwar id-dinja kollha tħejja minn tim ekumeniku ġewwa l-Burkina Faso fl-Afrikan, bil-għajnuna tal-komunità Chemin Neuf.

Il-Komunità Chemin Neuf hija komunità Kattolika b’vokazzjoni Ekumenika li bdiet fi Franza fis-snin sebgħin tas-seklu li għadda. Il-fundatur ewlieni ta’ din il-komunità huwa l-Ġiżwita Laurent Fabre. L-isem ġej mill-post fejn seħħet l-ewwel laqgħa, jiġifieri fil-belt ta’ Lyon f’Montée du Chemin-Neuf—li litteralment tfisser “telgħet il-mogħdija l-ġdida.” Din il-komunità, li tiġbor flimkien Insara minn mixjiet differenti tal-ħajja, hija ffurmata minn elementi tat-Tiġdid Kariżmatiku u mżewqa mill-Ispiritwalità Injazjana bil-għan li tippromwovi l-għaqda bejn l-Insara, l-għaqda bejn kulturi u popli differenti, u l-għaqda bejn il-koppji u fil-familji. Illum din il-komunità tinsab mifruxa fi 30 pajjiż madwar id-dinja, fosthom fil-Burkina Faso.

Il-Burkina Faso, fil-Punent tal-Afrika, fir-reġjun tas-Sahel—żona bijoġeografika ta’ “transizzjoni” bejn id-deżert tas-Sahara u l-bqija tal-Afrika bi klima iktar tropikali u meded ta’ savana. Hu stmat li l-popolazzjoni hija ta’ 21 miljun, magħmula minn gruppi etniċi differenti. Fejn tidħol ir-reliġjon, il-maġġoranza, jiġifieri madwar 64%, huma Musulmani. L-Insara jammontaw għal madwar 26% tal-popolazzjoni (20% Kattoliċi u 6% Protestanti). Il-kumplament tal-popolazzjoni tħaddan twemmin tradizzjonali indiġenu jew forom oħra ta’ twemmin.

Dawn l-esperjenzi differenti li jeżiġu konvivjalità u kooperazzjoni għenu lill-Insara mill-Arċidjoċesi Kattolika ta’ Ouagadougou, Knejjes Protestanti, gruppi ekumeniċi u l-komunità Chemin Neuf ta’ Burkina Faso, sabiex setgħu jaħdmu flimkien biex ħejjew it-talb u r-riflessjonijiet frott tal-esperjenza konkreta tagħhom tal-imħabba lejn Alla u lejn il-proxxmu, hu ta’ liema twemmin hu.

Fid-dawl ta’ dan il-proċess, anke l-Kummissjoni Ekumenika Djoċesana ħejjiet programm ta’ ċelebrazzjonijiet u riżorsi għal din il-Ġimgħa ta’ Talb għall-Għaqda fost l-Insara, li jistgħu jiġu aċċessati minn din il-ħolqa: https://knisja.mt/gimgha-ta-talb-ghall-ghaqda-fost-l-insara-2024/.