San Timotju u San Titu kienu fost l-aqwa kollaboraturi li kellu San Pawl. Huma juruna kif nistgħu ngħixu b’mod prattiku l-fidi tagħna, u kif nistgħu niftħu l-bibien tad-dinja għall-fidi.

Fit-Testment il-Ġdid, insibu żewġ ittri indirizzati lil Timotju u waħda lil Titu. L-isem Timotju ġej mill-Grieg u jfisser “dak li jonora lil Alla.” Twieled f’Listra u kien “bin mara Lhudija li kienet temmen, imma li missieru kien Grieg” (Atti 16, 1). Fl-Atti tal-Appostli, Luqa jsemmi lil Timotju sitt darbiet, filwaqt li Pawlu fl-ittri tiegħu, jsemmih sbatax-il darba. Dan jurina li Pawlu kellu stima kbira ta’ Timotju tant li kien jafdah b’missjonijiet importanti ħafna. Fl-Ittra lill-Filippin jikteb: “Nittama fil-Mulej Ġesù li nibagħtilkom malajr lil Timotju biex nieħu r-ruħ jiena wkoll b’aħbarkom. ’Il ħadd ma għandi bħalu li minn qalbu jieħu ħsiebkom sewwa” (2, 19-20).

Titu, li ismu hu ta’ oriġini Latina, kien ta’ nisel Grieg (ara Gal 2, 3). Pawlu kien ħa lil Titu għall-Konċilju ta’ Ġerusalemm, fejn kien ġie deċiż jekk min hu Grieg, iridx joqgħod għal-liġi Możajka, fil-proċess li jsir Nisrani. Fl-Ittra lil Titu, Pawlu jiktiblu u jgħidlu li hu “ibni veru fil-fidi tagħna lkoll” (Titu 1, 4). Meta Timotju telaq minn Korintu, Pawlu jibgħat lil Titu hemm, biex iġib il-kontroll f’komunità li kienet diffiċli. Hu jirnexxilu u, kif insibu fit-Tieni Ittra lill-Korintin:

Imma Alla, li jfarraġ lill-umli, farraġna bil-wasla ta’ Titu. Mhux biss bil-wasla ta’ dan, iżda wkoll bil-faraġ li bih tfarraġ hu stess minħabba fikom; qalilna bix-xewqa tagħkom, bil-biki tagħkom, biż-żelu tagħkom għalija; u hekk jien fraħt iktar … Barra minn dan il-faraġ, fraħna aktar minħabba l-ferħ ta’ Titu, għaliex ilkoll kemm intom ferraħtulu qalbu. Jekk ftaħart xi ftit bikom miegħu ma kellix għax nistħi; imma kif dejjem għedtilkom il-verità, hekk ukoll il-ftaħir tagħna ma’ Titu deher li kien veru. U qalbu xegħlet aktar għalikom meta ftakar fl-ubbidjenza tagħkom, kif ilqajtuh bil-biża’ u t-tregħid.”

2 Kor 7, 6-7. 13-15

Mill-ittra lil Titu nafu li hu kien sar l-Isqof ta’ Kreta. Nafu wkoll li mar id-Dalmazja (2 Tim 4, 10), imma kif miet, ma nafux.