San Ġwann Bosco

Ix-xahar ta’ Jannar jagħlaq bit-tifkira ta’ San Ġwann Bosco, qaddis li żgur smajna bih, anke għaliex hu l-fundatur tas-Salesjani li jagħmlu tant ġid mat-tfal u ż-żgħażagħ f’pajjiżna wkoll.

Din l-opra bdieha fil-belt ta’ Turin, fejn qalb il-faqar ħadem mat-tfal tal-foqra. Waqt li Kien qiegħed iżur il-ħabsijiet, Don Bosco innotta numru kbir ta’ tfal subien, ta’ bejn it-12 u t-18-il sena. Il-kundizzjonijiet ma kienux mill-aħjar, u ħassu motivat biex jevita li aktar tfal jiddaħħlu l-ħabs. Huwa beda jiltaqa’ magħhom fit-toroq fejn kien jaqsam magħhom messaġġi ta’ ġid, u kien ifittex ix-xogħol u post fejn joqgħodu.

Kien fl-1859 li San Ġwann Bosco stabilixxa s-Soċjetà ta’ San Franġisk ta’ Sales (is-Salesjani). Huwa organizza 15-il seminarista u adolexxent fil-grupp. L-għan tiegħu kien li jkomplu x-xogħol karitattivi tiegħu, li jgħin it-tfal subien bil-formazzjoni tal-fidi tagħhom u biex jevitaw kull tip ta’ inkwiet. Kif nafu, din l-ordni għadha teżisti sal-lum il-ġurnata u għadha tgħin tant nies, speċjalment tfal u żgħażagħ, madwar id-dinja kollha.

Waqt li kont qed infittex xi materjal għal dan l-artiklu, iltqajt ma’ parti minn ittra li kiteb Don

Bosco stess, u din il-biċċa laqtitni ħafna:

Huma wliedna, u għalhekk, meta nrażżnuhom jekk jonqsu, irreġġgħu lura l-korla kollha tagħna, jew għall-inqas inberrduha tant li nkunu qisna warrabnieha għal kollox. Ma nkunux nies bi spirtu mħawwad, b’ħars ta’ tmaqdir f’għajnejna, bi kliem iniggeż f’fommna, imma nkunu nies li jħennu llum u jittamaw għall-quddiem, kif jixraq jagħmlu dawk li huma tassew missirijiet, kollhom ħeġġa biex jikkoreġu u jmexxu lil uliedhom tassew għall-aħjar.

Nitolbu lil Alla sabiex dejjem iżjed inkunu nies li jħennu llum u nittammaw għall-quddiem, bl-imħabba!