Nhar il-Ġimgħa 24 ta’ Ġunju tal-2016, l-għada tar-referendum dwar Brexit, ir-Renju Unit sebaħ b’faċċati tal-gazzetti kuntrastanti. Fuq il-faċċata tad-Daily Mail, ritratt kbir ta’ Nigel Farage jifraħ bir-riżultat imqiegħed fuq it-titlu b’tipa kbira: “WE’RE OUT!” Is-sottotitlu jaqra: “After 43 years UK freed from shackles of EU.” Il-faċċata tal-gazzetta The Guardian hi kompletament diversa. Ritratt imdaqqas ta’ tliet żagħżagħ imnikktin bir-riżultat imqiegħed biswit is-sottotitlu: “Pound plunges by 9% to lowest level since 1985.” Realtà waħda; żewġ udjenzi; żewġ perspettivi diversi.
Bl-istess mod, l-erba’ Evanġelji jitkellmu dwar realtà waħda imma jirrappurtawha minn erba’ angoli diversi għax jindirizzaw erba’ udjenzi diversi. L-ewwel tlieta—dak ta’ Mattew, Mark u Luqa—jissejħu ‘sinottiċi’, kelma mnissla mill-Grieg ‘syn-optikos’, li tifsser ‘tara flimkien’, bħal donnu jaraw ir-realtà bl-istess għajn. L-opinjoni mħaddna mill-maġġoranza ta’ studjużi llum hi li l-ewwel Evanġelju li nkiteb kien dak ta’ Mark. Mattew u Luqa użaw il-materjal li sabu fih, irranġawh b’modi diversi u żiedu materjal minn sorsi oħra li kienu komuni għat-tnejn.
L-Evanġelju skont San Mark x’aktarx inkiteb Ruma għall-ħabta tas-sena 70 w.K. Hu indirizzat għal udjenza pagana li kellha xi kuntatt mad-dinja Lhudija u li kienet qed issofri minn persekuzzjoni minħabba l-fidi. L-evanġelju hu miktub bi Grieg fqir u l-pass tiegħu hu mgħaġġel ferm. Lil Ġesù nsibuh jgħaddi malajr minn episodju għall-ieħor li mhux dejjem huma magħquda tajjeb flimkien. L-għan ta’ dan l-evanġelju hu li jpinġi lil Ġesù Kristu bħala l-Iben ta’ Alla. Id-dixxipli f’dan l-evanġelju ħafna drabi ma jifhmux it-tagħlim tal-imgħallem tagħhom, waqt li karattri oħra jirnexxielhom jaslu għall-fidi.
Waqt li jibni fuq Mark, Mattew jikteb bejn is-snin 80 u 90 w.K. x’aktarx qrib Antijokja fis-Sirja lil Insara li qabel kienu Lhud. Dan l-evanġelju juri li fil-komunità ta’ Mattew kien hemm kunflitt mal-Fariżejiżmu Lhudi li minnu kien infatam. Għaldaqstant, dan l-evanġelju jpoġġi lil Ġesù, li ħafna drabi hu ppreżentat bħala Mosè ġdid, f’kunflitt kontinwu mal-Fariżej. Peress li hu indirizzat lil Lhud-Insara, f’dan l-evanġelju nsibu diversi referenzi għal profeziji mit-Testment l-Antik li kienu mwettqa fil-persuna ta’ Kristu. Barra minn hekk, Mattew jitkellem ħafna dwar diviżjonijiet fil-komunità u l-għażla bejn it-tajbin u l-ħżiena fl-aħħar taż-żmien.
Bħall-evanġelju ta’ qablu, Luqa hu ispirat minn Mark iżda hu iktar raffinat mit-tnejn l-oħra. Inkiteb bejn is-snin 80 u 100 w.K. probabbilment fil-Greċja għal udjenza pagana Griega li kienet maqtugħa mill-ħajja Lhudija u dik tat-talb fis-sinagoga. Peress li hu indirizzat lil komunità li mhix Lhudija, għal kuntrarju ta’ Mattew, dan l-evanġelju għandu karatteristiċi partikolari: għandu perspettiva universali (is-salvazzjoni hi miftuħa għal kulħadd), ineħħi materjal Ġudeo-Kristjan mis-sorsi li juża, u jbiddel titli Lhud ma’ oħrajn Griegi, fost l-oħrajn. Dan l-evanġelju hu msejjes fuq vjaġġ wieħed twil li jieħu lil Ġesù mill-Galilija għal Ġerusalemm fejn iwettaq ir-rieda ta’ Missieru. Temi marbuta partikolarment ma’ dan l-evanġelju huma: il-faqar, it-talb, l-irwol ta’ Marija u karattri femminili oħra, u l-preferenza ta’ Ġesù għall-pubblikani u l-midinbin, fost l-oħrajn.
L-evanġelju skont San Ġwann hu differenti mill-oħrajn. Inkiteb mid-dixxiplu l-maħbub għall-ħabta tas-snin 90 sa 100 w.K. Dan l-evanġelju jitkellem fuq Kristu b’termini u titli ogħla mill-Kristoloġiji li nsibu fis-sinottiċi. Fih Ġesù hu ppreżentat bħala l-Kelma/Verb li ġie mibgħut mill-Missier u li għandu se jirritorna. Temi partikolari għal Ġwanni huma: il-ħajja eterna, l-irwol tal-Paraklitu (l-Ispirtu s-Santu), l-għaqda fost dawk li jemmnu, u l-għajxien f’Alla.
Il-Knisja, sa mill-qedem, inqdiet minn erba’ simboli mill-profeta Eżekjel (1, 1-21) biex tirrapreżenta lill-erba’ evanġelisti: San Mattew hu rrapreżentat bi bniedem divin, Marku bi ljun bil-ġwienaħ, Luqa b’għoġol bil-ġwienaħ, u Ġwanni b’ajkla. Skont San Ġirolmu dawn is-simboli jistgħu jiġu interpretati hekk: Mattew hu rrapreżentat b’raġel divin għax l-evanġelju tiegħu jibda b’ġeneoloġija; Marku għandu ljun għax l-evanġelju tiegħu jgħajjat fid-deżert b’qawwa profetika; Luqa hu għoġol għax jibda bis-sagrifiċċju fit-tempju; u Ġwanni hu ajkla għax jogħla ’l fuq bħall-Kelma divina.