Fil-liturġija mqaddsa, dan ix-xahar ta’ Novembru nibdewh billi niċċelebraw l-ewwel is-Solennità tal-Qaddisin Kollha u mbagħad l-għada t-Tifkira tal-Mejtin Kollha. Kemm il-qaddisin kif ukoll il-mejtin jissemmew waqt it-talba tal-Quddiesa … imma dan għaliex?

Il-Quddiesa hija talba liturġika, u għalhekk qatt mhija t-talba ta’ persuna jew komunità waħidha. Għall-kuntrarju, it-talba tal-Quddiesa hija t-talba tal-Knisja kollha f’daqqa li bil-qawwa tal-Ispirtu s-Santu tipparteċipa fis-sagrifiċċju divin tal-Iben li jingħata lill-Missier.  Hu għalhekk li, minkejja li l-Quddiesa tiġi ċċelebrata f’ħin partikolari kif ukoll f’post adattat, dan ma jfissirx li t-talba tal-Quddiesa hija limitata għall-ħin jew post. Dan għaliex waqt il-Quddiesa l-ġemgħa flimkien mas-saċerdot tieħu sehem fit-talba kontinwa tal-Knisja, mhux biss fuq din l-art imma wkoll flimkien ma’ ħutna l-insara li qegħdin fi proċess ta’ tisfija fil-Purgatorju u kif ukoll ma’ ħutna l-qaddisin li qegħdin igawdu lil Alla fil-glorja tal-Ġenna. Il-Konċilju Vatikan II insibu miktub:

Il-Konċilju Mqaddes jaċċetta b’qima ta’ tjieba kbira din il-fidi venerabli ta’ missirijietna dwar l-għaqda tagħna ma’ ħutna li huma fil-glorja tas-sema jew li, wara mewthom, qegħdin jissaffew minn dnubiethom.

Lumen Gentium, par. 51

Huwa għalhekk li, waqt il-Quddiesa, is-saċerdot, f’isem il-poplu, wara l-konsagrazzjoni jitlob lil Alla jħenn għal ħutna mejtin, kif ukoll ifaħħar lil Alla f’għaqda ma’ ħutna l-insara li qegħdin fis-sema pajjiżna. Il-Quddiesa, bħal kull talba liturġika, tfakkarna li s-sejħa tagħna hija li mmorru nqimu u nfaħħru lil Alla fil-liturġija bla tmiem ġewwa l-Ġenna. Kull darba li nieħdu sehem fil-Quddiesa aħna nduqu ftit mill-glorja li hija mħejjija għalina fil-ħajja ta’ dejjem: l-għaqda tagħna ma’ Alla, li għalissa niċċelebrawha taħt ix-xbihat tas-sagramenti. 

Ieqaf u aħseb:

  • San Ġwanni Pawlu II qal, “Il-Quddiesa hija togħma u antiċipazzjoni tal-ferħ sħiħ li wegħidna Kristu” (Ecclesia de Eucharistia, par. 18). Kemm qiegħed inħabbrek biex ngħix din il-grazzja fil-ħajja tiegħi?
  • Kemm nagħraf li t-talba tal-Quddiesa hija ferm akbar mit-talba personali tiegħi għaliex tgħaqqadni ħaġa waħda f’talba ta’ tifħir lil Alla ma’ ħuti l-insara fuq din l-art, mal-erwieħ tal-Purgatorju u kif ukoll mal-Qaddisin?