Ta’ kull sena fil-knejjes tagħna niċċelebraw l-anniversarju tal-konsagrazzjoni. Meta ċ-ċelebrazzjoni ma ssirx fil-ġurnata proprja tal-anniversarju, ġeneralment issir fl-aħħar Ħadd ta’ Ottubru. Il-kelma ‘konsagrazzjoni’ tfisser li ‘tpoġġi apparti’, jiġifieri li xi ħaġa tiġi distinta mill-affarijiet l-oħrajn u offruta lil dak li hu s-sagru, Alla nnifsu.

L-att tal-konsagrazzjoni nsibuh diversi drabi fit-Testement il-Qadim. Infatti kien Mosè nnifsu li b’att ta’ konsagrazzjoni ddedika l-poplu Lhudi lil Alla. F’Eżodu kap. 24 insibu t-twaqqif ta’ altar u ta’ tnax-il plier li jirrappreżentaw it-tnax-il tribù ta’ Iżrael, l-għażla taż-żgħażagħ biex jagħmlu l-offerta, Mosè li jaqra l-patt u l-ġemgħa tilqa’ dan il-patt, u fl-aħħar Mosè jroxx id-demm kemm fuq l-altar u kif ukoll fuq il-poplu Lhudi. F’dan ir-rakkont nifhmu li l-att ta’ konsagrazzjoni jfisser illi kemm il-post u kif ukoll il-persuni qed jagħżlu li l-iskop tagħhom ikun wieħed: l-għaqda tagħhom ma’ Alla.

Huwa għalhekk illi l-knejjes nikkonsagrawhom: għaliex bħala binja mhumiex bħal kwalunkwe binja oħra, imma huma d-dar ta’ Alla, fejn il-ġemgħa nisranija tinġabar biex tfaħħar u tadura lil Alla. Bl-istess mod, jiġu kkonsagrati wkoll persuni li jingħataw għas-servizz ta’ Alla, u anke oġġetti u paramenti sagri li jintużaw fis-servizz liturġiku.

Fil-liġi kanonika nsibu illi r-rit tal-konsagrazzjoni tal-knejjes jappartjeni għall-isqof djoċesan u dan sabiex toħroġ aktar fiċ-ċar l-għaqda mar-ragħaj tal-Knisja. Ir-rit tal-konsagrazzjoni probabbilment imur lura lejn iż-żminijiet Appostoliċi, u sa ċertu punt huwa kontinwazzjoni tar-rit Lhudi istitwit minn Salamun fid-dedikazzjoni tat-tempju ta’ Ġerusalemm. Infatti xi storiċi jattribwixxu dan ir-rit lil Papa Evaristu (miet fl-105), imma x’aktarx huwa kien dak li fformalizza dan ir-rit formali u b’hekk kien jintuża qabel ukoll. Biss, minħabba l-persekuzzjoni Rumana, ir-rit tal-konsagrazzjoni kien isir b’mod privat. Madanakollu, wara l-Editt ta’ Milan, il-famuż storiku Ewsebju ta’ Ċesarija jikteb kif għall-ferħ ta’ ħafna nsara l-konsagrazzjoni ta’ knejjes ġodda kif ukoll l-anniversarji tagħhom setgħu jiġu ċċelebrati pubblikament.

Sintendi, bħal kull rit ieħor, anke dan ir-rit għada minn diversi bidliet, żidiet u tnaqqis maż-żmien. Biss, dak li hu essenzjali, jiġifieri d-dedikazzjoni tal-binja bħala separata mill-bqija lil Alla, dejjem baqa’ preżenti. Essenzjalment, ir-rit huwa maqsum f’dawn is-sezzjonijiet:

  • id-dħul fil-knisja: fejn l-Isqof ibierek il-poplu, li hu t-tempju spiritwali ta’ Alla, u mbagħad il-ħitan tal-knisja u l-altar;
  • il-Liturġija tal-Kelma, fejn il-qari jiffoka fuq l-att tal-konsagrazzjoni lil Alla;
  • it-talba tad-dedikazzjoni u d-dlik tal-knisja u l-altar:
    • l-ewwel isir id-depożizzjoni tar-relikwi tal-Qaddisin, fejn jekk jista’ jkun wara l-kant tal-Litanija jitqegħdu r-relikwi tal-Qaddisin taħt l-altar;
    • imbagħad issir it-talba tad-dedikazzjoni;
    • isir id-dlik tal-altar u l-ħitan tal-knisja biż-żejt tal-Griżma;
    • jinħaraq l-inċens fuq l-artal biex ifisser li s-sagrifiċċju ta’ Kristu jitla’ jfuħ quddiem Alla;
    • il-vestizzjoni tal-altar, fejn jitlibbes l-artal biex juri li hu l-mejda mħejjija għall-ikla sagrifikali;
    • imbagħad jinxtegħel l-artal, simbolu ta’ Kristu d-dawl tagħna;
  • fl-aħħar issir iċ-ċelebrazzjoni Ewkaristija li, kif insibu miktub fis-sagramentarju: “iċ- ċelebrazzjoni tal-Ewkaristija hi l-iskop ewlieni li għalih tinbena knisja u jitwaqqaf altar.”

Naħseb ftit:

Kemm nagħraf li jiena tempju spiritwali ta’ Alla u li fil-Magħmudija u l-Griżma jien ġejt midluk bħala l-Iben ta’ Alla u t-Tempju tal-Ispirtu s-Santu?

Fil-knisja fejn ta’ spiss nieħu sehem fil-quddiesa, kemm nagħraf nitlob bħala “Knisja”, jiġifieri li nitlob f’għaqda ma’ u għal ħuti l-insara preżenti fl-istess binja miegħi?