Wasalt id-dar—tard wara ġurnata xogħol—u, bħas-soltu, ftaħt il-kaxxa tal-ittri. Qalb il-ħafna rivisti bla relevanza, sibt l-envelowp tal-missjoni—puntwali bħal dejjem fix-xahar ta’ Ottubru. Jien dejjem nitfa’ xi ħaġa fl-envelowp. Nitħassarhom lil dawk it-tfal mgħaddmin jew inkella minfuħin b’mod ikrah minħabba n-nuqqas ta’ ikel. Anke l-istampa ta’ fuq l-envelowp tmissli qalbi. U għalhekk, filwaqt li ser nibqa’ sejjer għall-borża tar-reċiklaġġ biex narmi l-kumplament tal-affarijiet li waslu, l-envelowp tal-missjoni ser inpoġġih ħdejn it-televixin, fejn jidher, biex ma ninsiehx. Ma qbadtx u mlejtu issa għax, sintendi, irrid nagħmel ftit il-kontijiet tax-xahar u nara fiex qiegħed u fiex ser inkun jew fiex nista’ nkun. Imma xi ħaġa nitfa’ żgur … jekk xejn, irrid inserraħ il-kuxjenza. Ma rridx noħlom b’min baqa’ bil-ġuħ minħabba fija. Imma mhux issa, iktar tard jew ġurnata oħra. Bħalissa qed nisma’ żaqqi tgorr u aħjar nimla lilha.

Nerġa’ ngħaddi minn quddiem it-televixin biex immur f’kamra oħra u ninduna li, barra r-ritratt li jġiblek ħasra bit-tama li jikkonvinċik, hemm ukoll sentenza miktuba b’tipa ħoxna u kbira, biex tidher:

“Għax aħna ma nistgħux ma nitkellmux fuq dak li rajna u smajna.”

Atti 4, 20

Stramba bħala sentenza fuq envelowp li jitlob il-flus għall-karità. Stramba għax qisu qed jinkludi lili magħhom. Imma min huma dawn l-aħna? Mhux probabbilment xi erba’ sorijiet jew patrijiet u forsi oħrajn magħhom li ddedikaw ħajjithom biex jgħinu lin-nies fil-bżonn. Nammirahom ta. Imma per se lili ma tikkonċernanix. L-għażla tagħhom, mhux tiegħi. Nagħmel tajjeb jekk ngħinhom, imma mill-bqija nkompli fuq xogħli …

Imma, iktar ma nibqa’ ngerger ġewwa fija dwar kemm ma tagħmilx sens l-għażla tas-sentenza, ninduna li qed insibha stramba għax nippreferi niftaħ idi milli nitkellem. Nippreferi nserraħ il-kuxjenza milli nħalliha ma tħallinix kwiet sabiex jiena wkoll nagħmel xi ħaġa. Imma x’nista’ nagħmel proprjament? Fuq xiex ser nitkellem? “Fuq dak li rajna u smajna.” Jiġifieri hemm xi ħaġa li lili missitni u mmarkatni u jeħtieġ li naqsamha ma’ ħaddieħor. Fejn imma? L-Afrika jew l-Amerka Latina jew l-Asja? Ma tgħoddx għalija dik il-ħaġa—u hekk inħoss li nista’ neħlisha ħafif. Imma fil-fond ta’ qalbi naf li, filwaqt li hemm xi wħud li s-sejħa ta’ ħajjithom hija dik l-għażla, lanqas ma jfisser li jien meħlus minn dan l-obbligu li joħroġ mill-istess identità tiegħi bħala mgħammed.

Illum, Ġesù għandu bżonn qlub li kapaċi jgħixu l-vokazzjoni tagħhom bħala storja ta’ mħabba vera, li ġġagħilhom imorru fil-periferija tad-dinja u jsiru messaġġiera u strumenti ta’ kompassjoni. Din hija sejħa li Hu jagħmel lil kulħadd, għalkemm mhux bl-istess mod. Niftakru kemm hemm periferiji li huma qrib tagħna, fiċ-ċentru tal-belt jew raħal tagħna, jew fil-familja tagħna stess. Il-ftuħ universali tal-imħabba m’għandhiex dimensjoni ġeografika, imma eżistenzjali. Dejjem, imma speċjalment f’dan iż-żmien ta’ pandemija, huwa importanti li nwessgħu ċ-ċirku tagħna, biex nilħqu lil dawk li ma nħossuhomx li huma parti mid-“dinja tal-interessi tiegħi”. Li ngħix il-missjoni hu li nissogra li nrawwem fija l-istess sentimenti ta’ Kristu Ġesù u li nemmen bħalu li kull min hu ħdejja huwa wkoll ħija jew oħti.

Papa Franġisku, Messaġġ għall-Ġurnata Missjunarja 2021