X’jiġrilu lil Mosè meta jiltaqa’ ma’ Alla? Wiċċu jsir jiddi jew irabbi par qrun? Meta nħarsu lejn l-ikonografija ta’ Mosè, ta’ spiss narawh b’par qrun fuq rasu. Skond dak li nsibu fil-Bibbja, meta Mosè niżel minn fuq il-muntanja Sinaj, wiċċu nbidel. Infatti naqraw dan fil-ktieb tal-Eżodu:
Ġara li, meta niżel minn fuq il-muntanja tas-Sinaj biż-żewġ twavel tax-xhieda f’idu, Mosè ma kienx jaf li l-ġilda ta’ wiċċu kienet tiddi billi kien qorob lejh Alla.
Eżodu 34, 29
Il-verb tiddi, bl-Ebrajk huwa (קרנ – qrn). Ir-rakkont f’Eżodu 19 jikkonkludi dak li jiġri fuq il-muntanja Sinaj. Meta l-poplu Lhudi jasal hemm, Alla jgħid lil Mosè, “li jekk tisimgħu leħni u żżommu l-patt tiegħi, intom tkunu l-wirt tiegħi minn fost il-popli kollha” (19, 5), u joffri li jagħmel patt ma’ dan il-poplu. Mosè meta jiltaqa’ ma’ Alla, wiċċu jsir jiddi, imma Mosè stess ma jafx dan għaliex huwa l-poplu li jara ’l wiċċu jiddi. Dan il-verb, qajjem numru ta’ argumenti tul l-istorja għaliex fil-forma ta’ nom, qeren,ifisser qrun. Xi raġunijiet prinċipali għalfejn jiġi tradott bħala jiddi u mhux bħala qrun huma dawn:
- Is-suġġett tal-verb qrn huwa l-wiċċ u mhux ir-ras. Hija improbabbli li l-wiċċ ta’ Mosè kellu l-qrun, mingħajr hu stess ma jinduna.
- Simbolu bħal qrun ma jagħmilx sens fid-dawl ta’ dak li għaddha minnhu Mosè.
- Il-maġġoranza tat-traduzzjonijiet prinċipali, apparti mill-Vulgata, jittraduċu dan il-verb bħala tiddi.
Peress li l-Vulgata (il-Bibbja tradotta mil-lingwi oriġinali għal-Latin minn San Ġirolmu) kienet it-traduzzjoni tal-Bibbja użata għal ħafna snin, Michelangelo bbaża l-iskultura tiegħu ta’ Mosè fuq dak li hemm miktub f’din it-traduzzjoni tal-Bibbja:
Cumque descenderet Moyses de monte Sinai, tenebat duas tabulas testimonii, et ignorabat quod cornuta esset facies sua ex consortio sermonis Domini.
Meta Mosè niżel minn fuq il-muntanja tas-Sinaj biż-żewġ twavel tax-xhieda f’idu, hu ma kienx jaf li kellu ll-qrun f’ wiċċu għaliex kien qorob lejh Alla.
Huwa għalhekk li Michelangelo skolpa lil Mose bil-qrun f’rasu—dawn il-qrun tul l-istorja kienu jiġu interpretati bħala simboli ta’ għerf u tmexxija.