Matul dawn l-aħħar fil-parroċċi tagħna saret iċ-ċelebrazzjoni tal-Ewwel Tqarbina. Forsi, forsi għax it-Tqarbin hu ripetut ħafna drabi f’ħajjitna, forsi nitilfu xi ftit mill-qawwa tiegħu f’ħajjitna.
Meta elfejn sena ilu, Ġesù kien jaf li waslet is-siegħa tiegħu, ried iħalli xi ħaġa li biha d-dixxipli tiegħu jibqgħu jesperjenzawh. U l-pjan tas-salvazzjoni kien jinkludi IKLA. Hemm ħafna x’jingħad dwar l-‘ikliet’ li Alla għażel li bihom juri lill-poplu tiegħu li hu magħhom. Imma f’din ir-riflessjoni qasira, xtaqt niffoka fuq element wieħed, żgħir u li forsi ma tantx naħsbu fuqu għax nikkunsidrawh tat-tfal.
Dan l-element hu l-esperjenza tal-Ewwel Tqarbina.
Waqt l-aħħar ikla mad-dixxipli tiegħu, Ġesù qalilhom: “Kelli xewqa kbira li nagħmel din l-ikla tal-Għid magħkom qabel ma nbati!” (Luqa 22, 15).
Min-naħa tiegħu, Ġesù għadu bl-istess ħerqa jixtieq jagħmel din l-ikla (‘tal-Għid’) magħna. Għad-dixxipli tiegħu dakinhar, din kienet esperjenza li mmarkatilhom ħajjithom hekk li, kif qal San Pawl, dan kien tagħlim li l-Mulej ried li jkun mgħoddi minn komunità għal oħra. Kiteb dan fl-ewwel ittra lill-Korintin (11, 23-26) madwar 25 sena wara l-ġrajja. Dan hu l-ewwel rakkont tat-twaqqif tal-Ikla tal-Mulej li San Pawl ma kienx preżenti għalih imma li jaqbel mar-rakkonti tal-evanġelisti li nkitbu iktar tard.
X’esperjenza qawwija kienet din l-ewwel tqarbina għall-appostli! Fehmu sew dak li qalilhom Ġesù, “Agħmlu dan b’tifkira tiegħi.” Kienet tqarbina li fixklithom, ħawdithom, ma fehmux mill-ewwel x’qiegħed jgħid u jagħmel Ġesù. Fehmu kollox wara Pentekoste. Indunaw li fil-Qsim tal-Ħobż jagħrfuh, jiltaqgħu tassew ma’ Ġesù ħaj u hu jsir il-ħajja tagħhom (Ġw 6, 51). Ġwanni jirrakkonta dak li qal Ġesù b’mod qawwi u profond: “Bħalma bagħatni l-Missier, li hu ħaj, u jiena ngħix b’Missieri, hekk ukoll min jiekol lili, hu wkoll jgħix bija” (Ġw 6, 57). Din ir-relazzjoni bejn l-ikel ta’ Ġesù li kien jagħtih il-ħajja (ngħix b’Missieri) u l-ikel tagħna li jagħtina l-ħajja (min jiekol lili jgħix bija) hi intima u profonda. Ftit naħsbu fuqha. Ftit napprezzaw it-tqarbina b’dan il-mod.
Biex nifhmu iktar it-tqarbina tagħna, biex nidħlu f’dan il-misteru ta’ mħabba li Ġesù ħallielna b’tant ħerqa, neħtieġu nimmeditaw kliemu fl-Evanġelji għax l-aqwa preparazzjoni għas-Sagrifiċċju u għat-Tqarbina hi l-Kelma ta’ Alla.