Dun Karm kiteb il-kliem għal innu Ewkaristiku—li sar magħruf bħala T’Adoriam, Ostia Divina, u, bil-Malti, Nadurawk Ja Ħobż tas-Sema—biex jitkanta waqt iċ-ċelebrazzjonijiet li saru fl-24 Kungress Ewkaristiku Internazzjonali organizzat f’Malta fl-1913. Maestro Giuseppe Caruana ikkompona l-mużika, u l-innu tant intlaqa’ tajjeb li ttieħed id-dar mad-diversi dinjitarji barranin preżenti għall-Kungress, u kien addattat, maqlub għal lingwi differenti, u kantat f’ħafna pajjiżi oħra.
L-innu nkiteb—oriġinarjament—bit-Taljan, il-lingwa stabbilita tal-kultura Maltija f’dak iż-żmien u l-uniku lingwa li setgħet titkanta kemm mill-Maltin u kif ukoll mill-barranin li attendew il-Kungress, li iżda baqa’ jitkanta mill-Maltin anke wara li spiċċa l-Kungress u eventwalment Dun Karm innifsu qalbu għall-Malti (din il-verżjoni ġiet ippubblikata fl-1924). Għaliex?
Il-qalba tal-innu hu Ġesù Sagramentat, dan il-“Ħobż tas-Sema.” Il-pronom “Int/i” hu użat sitt darbiet tul l-innu kollu, waqt li hemm ukoll is-suffis pronominali tat-tieni persuna fis-singular, il-‘-k’, fil-kliem “nadurawk,” “għalik,” “tħobbok,” “fik” u “nsellmulek.” Il-bniedem jagħraf ir-realtà tiegħu nnifsu quddiem Misteru hekk kbir, u jagħraf id-dipendenza tiegħu ta’ ħlejqa li hu fuq il-Ħallieq. Il-bniedem ma jistax jara lill-Ħallieq, imma l-bniedem jista’ jirċievi lill-Ħallieq; fil-Ħallieq biss jista’ l-bniedem isib is-saħħa u l-faraġ, il-qawma u l-għaxja, l-imħabba u l-hena.
Alla jista’ jkun moħbi, iva, iżda qatt mhu assenti. Anke moħbi kif inhu f’dan il-“Ħobżna ta’ kuljum” (ara Dun Karm Psaila, “Żjara lil Ġesù,” 1915), il-bniedem jista’ biss jieqaf u jistagħġeb, isellem u jadura. Is-satra li ġġib flimkien l-għarfien mal-Fidi, tinkwadra wkoll lill-Misteru fl-ispazju u tirrendi lill-eternità aċċesibbli fiż-żmien. Meta verament naduraw lill-Ħakkiem taż-żmien, jeħtieġ nafdaw fil-proċess; b’fedeltà, inħallu lil min nirċievu jibdilna fih.