L-Atti tal-Appostli nsibuh fit-Testment il-Ġdid eżattament wara l-Evanġelji. Huwa ktieb miktub minn San Luqa li fih jirrakkonta kif l-Ispirtu s-Santu baqa’ jmexxi lill-Knisja wara l-mewt u l-qawmien ta’ Ġesù. L-ewwel parti ta’ dan il-ktieb tiffoka fuq il-missjoni ta’ Pietru, filwaqt li t-tieni parti ta’ dan il-ktieb tiffoka fuq il-missjoni ta’ Pawlu. Il-Knisja skont Luqa kienet imwaqqfa f’Pentekoste fl-istess sena meta Ġesù kien imsallab u qam mill-imwiet. Kienet inawgurata meta l-Ispirtu s-Santu niżel fuq l-appostli. Minn ftit nies żdiedu ħafna: “ħafna minn dawk li kienu semgħu l-kelma emmnu, u l-għadd tagħhom kien jilħaq mal-ħamest elef ruħ” (Atti 4, 4). Dawn kienu nsara entużjasti ħafna.
Għall-bidu, meta fl-Atti tal-Appostli Luqa jkellem lill-Knisja, huwa qed jirreferi għall-Knisja ġo Ġerusalemm, għaliex s’issa ma kien hemm l-ebda knisja oħra ħlief dik f’Ġerusalemm. Huwa mill-kapitlu 13 ’il quddiem li nsibu nies oħrajn barra Ġerusalemm li jiffurmaw parti mill-Knisja. Pawlu fl-ittri tiegħu jirreferi għall-knejjes fil-plural filwaqt li Luqa jirreferi għall-Knisja fis-singular (ara Gal 1, 22; 1 Tess 2, 14).
Luqa jikteb fuq il-knisja f’Ġerusalemm u jirreferi għal żewġ tipi ta’ mexxejja: l-appostli u l-presbiteri (ara Atti 11, 30). Pietru huwa l-appostlu dominanti f’dan il-ktieb, filwaqt li Ġakbu huwa l-presbiteru dominanti. L-aħħar darba li Pietru jissemma huwa fil-kunsill ta’ Ġerusalemm (ara Atti 15:7-11), fejn hawn jagħmel diskors imqanqal ħafna.