Fis-sezzjoni Itlob bil-Liturġija spiss qed jiġu ppreżentati talbiet mill-quddiesa li nsejħulhom Kolletta. Il-Kolletta hija dik it-talba li s-saċerdot jgħid fil-bidu tal-quddiesa, eżatt qabel jibda l-qari mill-Kotba Mqaddsa. Kif jixhed l-isem stess ta’ din it-talba, hija talba li tissintesizza, tiġbor flimkien f’talba waħda dak li ser inkunu qed niċċelebraw matul il-quddiesa. Il-Kolletta tinbidel skont iż-żmien liturġiku (Avvent, Randan, eċċ.), il-ġranet (ħlief fiż-Żmien ta’ Matul is-Sena, il-Kolletta tkun differenti kuljum), u l-okkażjoni (festi tal-qaddisin, quddies ritwali, eċċ.).
Is-saċerdot jibda din it-talba billi jgħid, “Nitolbu,” u jħalli pawsa qasira ta’ skiet sabiex dawk kollha preżenti f’qalbhom iressqu t-talb u l-intenzjonijiet tagħhom għal dik il-quddiesa: għal min jew għal xiex jixtiequ jitolbu, f’min jixtiequ jiftakru, x’inhu dak li qed itaqqalhom jew iferraħhom bħalissa u jixtiequ jippreżentawh lill-Mulej.
Tal-anqas fl-oriġinali bil-Latin, il-Kolletta nnifisha għandha dawn il-partijiet differenti:
- Invokazzjoni – lil min hi indirizzata t-talba. Ġeneralment, bħal ħafna mit-talb tal-quddiesa, tkun indirizzata lill-Missier;
- Rikonoxximent – deskrizzjoni ta’ xi attribut/kwalità ta’ Alla li l-iktar tkun taqbel ma’ dak li ġej wara (fil-Malti, spiss indikata bil-partiċella ‘li’);
- Petizzjoni – nitolbu dak li nixtiequ;
- Aspirazzjoni – għalfejn nixtiquh (bil-Malti tkun immarkata bil-kelma ‘sabiex’). Din mhux dejjem tkun hemm;
- Supplikazzjoni – it-talb kollu noffruh permezz ta’ Ġesù. Fl-aħħar tat-talba nitolbu l-medjazzjoni ta’ Ġesù għax hu permezz tiegħu li aħna ksibna s-salvazzjoni u ksibna l-qawwa li lil Alla nistgħu nsejħulu Missier. F’din l-aħħar parti hemm ukoll tislima lit-Trinità Qaddisa.
Fl-aħħar tat-talba nwieġbu “Ammen” sabiex hekk nagħmlu tagħna dak li jitlob is-saċerdot f’isem il-Knisja.