Il-porpra hi kulur simili għall-aħmar u l-vjola. Hu kulur li jiġi pproduċut mill-molluski fil-Mediterran. Fil-ktieb tal-Profeta Ezekjel wieħed isib li dan il-kulur tal-porpra kien isir fix-xtut ta’ Elisa (27, 7). Fis-Sirja kienu jpartlu l-porpra (27, 16), u fl-Assirja kienu jpartu l-imnatar tal-porpra (27, 24). Fil-ktieb tal-Atti tal-Appostli nisimgħu li Lydia kienet negozjanta tal-porpra (Atti 16,14).
Il-porpra kienet tiġi prodotta b’mod limitat ħafna u għalhekk kienet tiswa ħafna flus. Għaldaqstant kienet tintuża għall-ħwejjeġ ta’ nies importanti bħar-re. Kif nisimgħu fil-Ktieb tal-Imħallfin: “l-ilbies tal-porpra, li kienu fuq is-slaten ta’ Midjan” (8, 26). Fil-ktieb ta’ Ester ukoll wieħed isib li “Mordekaj ħareġ minn quddiem is-sultan liebes l-ilbies ta’ sultan, kulur vjola u abjad, u b’kuruna kbira tad-deheb u mantell tal-għażel fin u l-porpra; il-belt ta’ Susa kienet kollha għajjat u ferħ” (8, 15).
Dan l-ilbies b’dan il-kulur kien is-sinjal tal-konsagrazzjoni tas-saċerdoti u kien sinjal tal-leġittimità tal-ministeru tagħhom. Dawk li kienu jilbsu hekk kienu dawk li setgħu jidħlu fil-preżenza tal-Mulej. Is-saċerdoti kienu medjaturi ta’ dik l-imħabba ġejja mill-Patt li għamel ma’ Alla fejn it-triq hi lejn il-libertà u l-hena. Billi ma kienx mit-tribù ta’ Levi, Ġesù ma kienx saċerdot bħas-saċerdoti deskritti fil-Ktieb tal-Eżodu. Imma hu wkoll, fl-aħħar ta’ ħajtu, jilbes libsa kulur il-porpra! Is-suldati Rumani, biex jgħadduh biż-żufjett, libsu lil Ġesù b’mant ta’ dan il-kulur. Imma għall-Insara dan hu wkoll sinjal ta’ saċerdozju perfett, ġdid, uniku: dak ta’ min jagħmel ġismu u demmu porpra ta’ grazzja, ta’ mħabba, ta’ salvazzjoni, ta’ fidwa għall-umanità kollha.