Fil-liturġija tingħata importanza mhux biss lill-post fejn inkunu qegħdin niltaqgħu, imma wkoll iż-żmien li fih inkunu qegħdin. Naraw kif anke f’reliġjonijiet oħrajn hemm żminijiet partikulari fejn ta’ kull sena tingħata enfasi partikolari lejn xi aspett jew ġrajja speċifika. Infatti, bħala nsara, iċ-ċelebrazzjonijiet u t-tifkiriet li nagħmlu jirrepetu sena wara sena skont kalendarju liturġiku li nsejħulu s-sena liturġika.
Is-sena liturġika hija simbolu tal-mixja tagħna fil-ħajja li ddur madwar ċ-ċelebrazzjoni tal-misteru tas-salvazzjoni tagħna, kif ukoll fl-istennija tal-miġja ta’ Kristu f’ħajjitna. Fil-bidu ta’ din is-sena niċċelebraw l-Ewwel Ħadd tal-Avvent, jiġifieri nibdew bl-istennija taċ-ċelebrazzjoni tal-miġja ta’ Ġesù bħala bniedem bħalna. Mill-banda l-oħra, is-sena liturġika tispiċċa biċ-ċelebrazzjoni ta’ Sidna Ġesù Kristu, Sultan tal-Ħolqien kollu—solennità li twassalna biex nirriflettu fuq l-istennija tagħna għat-tieni miġja ta’ Kristu Sultan fl-aħħar tad-dinja. B’hekk is-sena liturġika tibda bl-istennija għaċ-ċelebrazzjoni tal-miġja ta’ Kristu elfejn sena ilu, u tispiċċa bl-istennija tat-tieni miġja ta’ Kristu fl-aħħar taż-żminijiet. Tfakkarna fit-talba kontinwa tal-ewwel insara: Marana-tha, frażi bl-Aramajk li tfisser, “Ejja, o Mulej!”
Interessanti wkoll il-fatt li ċ-ċelebrazzjoni ta’ Kristu Sultan bħala ċelebrazzjoni minnha nnifisha hija pjuttost riċenti fil-liturġija. Ta’ min jinnota li aħna ta’ kull sena niċċelebraw lil Kristu bħala Sultan fil-qima tal-maġi fl-Epifanija. Madanakollu, qalb l-instabbiltà u d-diversi gwerer mondjali u kif ukoll is-sekulariżmu, il-Papa Piju XI waqqaf din il-festa fl-1925, propju 1600 sena wara li l-Konċilju ta’ Niċea afferma d-divinità totali ta’ Ġesù Kristu. Kien imbagħad il-Papa Pawlu VI li fl-1969 għolla din iċ-ċelebrazzjoni għal solennità, jiġifieri fl-ogħla grad tal-festi liturġiċi, u mexxa din il-festa għall-aħħar Ħadd tas-Sena Liturġika. B’dan il-mod ħarġet iktar ċara l-għaqda ta’ din is-solennità ta’ Kristu Sultan flimkien mat-tieni miġja ta’ Kristu, fejn fiha ser jitwettaq il-ġudizzju finali.
Papa Benedittu XVI, f’omelija li pprietka nhar is-Solennità ta’ Kristu Sultan fl-2009, jgħid:
Is-Saltna tal-Grazzja qatt ma hija imposta fuqna u dejjem tirrispetta l-libertà tagħna. Kristu ġie biex “jixhed għall-verità” (Ġw 18, 37), bħalma stqarr lil Pilatu … għalhekk, kull kuxjenza trid tagħmel għażla: Lil min irrid inservi? Lil Alla jew lix-Xitan? Il-Verità jew il-Gidba?
Aħseb ftit:
L-istennija tfisser preparazzjoni—hu b’hekk li niffoka ħajti fuq din l-istennija. Imma jien x’qed nistenna f’ħajti? Fuq xiex qed niffoka ħajti?
Kemm nagħraf li Kristu huwa verament is-Sultan ta’ ħajti u allura dak kollu li għandi huma mogħti minnu?