L-ewwel kelma tal-ktieb tal-Apokalissi tikxef dak li nsibu fil-ktieb, u tagħti l-isem lill-ktieb innifsu. Il-kelma Apokalissi tfisser tirrivela, u l-ewwel tliet versi ta’ dan il-ktieb jispjegaw x’inhi din ir-rivelazzjoni:
Ir-Rivelazzjoni ta’ Ġesù Kristu li tahielu Alla biex jgħarraf lill-qaddejja tiegħu b’dak li għandu jiġri ma jdumx. Alla bagħat lill-anġlu tiegħu jfissirha lill-qaddej tiegħu Ġwanni, li kien xhud tal-kelma ta’ Alla u tax-xhieda mogħtija minn Ġesù Kristu, u ta’ kulma ra b’għajnejh. Hieni dak li jaqra u dawk li jisimgħu l-kliem ta’ din il-profezija u jħarsu dak li hemm miktub, għax iż-żmien qorob!
Apokalissi 1, 1-3
Din ir-rivelazzjoni iddawwal lill-qarrej, jew lill-persuna li kienet tisma’ dan il-ktieb jinqara, fuq iż-żmien ta’ wara l-mewt ta’ Ġesù. Il-frażi: “ir-Rivelazzjoni ta’ Ġesù Kristu” hi frażi unika li nsibuha hawn biss fil-Bibbja—fiha ma nsibu l-ebda verb, u l-isem Ġesù Kristu jieħu forma ta’ titlu solenni għaliex huwa hu li jagħti din ir-rivelazzjoni. L-inizjattiva ta’ din ir-rivelazzjoni ġejja minn Alla.
Fil-ktieb tal-Apokalissi nsibu seba’ beatitudnijiet, u l-ewwel waħda nsibuha f’dawn il-versi: “Hieni dak li jaqra u dawk li jisimgħu l-kliem ta’ din il-profezija u jħarsu dak li hemm miktub, għax iż-żmien qorob!” (Apok 1, 3). Hu vers uniku għaliex fih insibu kemm it-tielet persuna singulari u kif ukoll t-tielet persuna plural. Għalfejn jikteb li ż-żmien qorob? Hawn insibu relazzjoni ma’ dak li nsibu fit-Testment il-Qadim (ara Dan 2, 28). Dak li Danjel ra li ser jiġri, issa l-ktieb tal-Apokalissi qed jindika li dak iż-żmien wasal. Fl-udjenza tiegħu fil-5 ta’ Settembru 2012, Papa Benedittu XVI ta interpretazzjoni analoġika fuq dawn il-versi u qal:
Kelliem jippreżenta lill-assemblea messaġġ li l-Mulej afda lil Ġwanni. Il-qarrej u l-assemblea huma, biex ngħidu hekk, iż-żewġ protagonisti tal-iżvilupp tal-ktieb; sa mill-bidu tiġi indirizzata lilhom tislima festiva: “Hieni dak li jaqra u dawk li jisimgħu l-kliem ta’ din il-profezija” (1, 3). Sinfonija ta’ talb toħroġ mid-djalogu kontinwu bejniethom u tiżviluppa b’varjetà kbira ta’ forom sakemm tasal għall-konklużjoni tagħha. Meta tisma’ lill-kelliem iwassal il-messaġġ, meta tisma’ u tosserva r-reazzjoni tal-assemblea, it-talb tagħhom għandu t-tendenza li jsir tagħna.
Benedittu XVI, Udjenza Ġenerali, 5 ta’ Settembru 2012