Matul din is-sena liturġika, nhar ta’ Ħadd il-Knisja qed tippreżentalna qari kontinwu mill-Evanġelju skont San Mark. L-Evanġelju ta’ San Mark huwa meqjus minn ħafna bħala l-iżjed Evanġelju qadim. Huwa miktub minn Mark, li kien kollaboratur ta’ San Pawl li probabbli jirreferi għalih fl-ittra lill-Kolossin 4, 10 bħala “Marku, il-kuġin ta’ Barnaba”. Kien ukoll viċin ta’ San Pietru, li fl-aħħar tal-ewwel ittra tiegħu jikteb hekk: “Iselli wkoll għalikom Marku, ibni” (5, 13).
San Mark jibda l-Evanġelju tiegħu b’dan il-kliem:
“il-Bidu tal-Evanġelju ta’ Ġesù Kristu l-Iben ta’ Alla.” Wara dan il-kliem, insibu numru ta’ ġrajjiet li jirrakkuntaw il-ħajja ta’ Ġesù.
Mark 1,1
Dan il-ktieb huwa maqsum fi tliet atti: l-ewwel att fil-Galilija, it-tielet att huwa f’Ġerusalemm, waqt li t-tieni att jirrakkonta l-vjaġġ ta’ Ġesù mill-Galilija għal Ġerusalemm. Fl-ewwel att (kap. 1-8a), il-mistoqsija prinċipali hi: min hu Ġesù? Hawn insibu lil Mark jintroduċi lil Ġwanni l-Battista u l-magħmudija ta’ Ġesù. Wara dan insibu l-qofol tal-messaġġ ta’ Ġesù: li s-saltna ta’ Alla waslet. Insibu mirakli ta’ fejqan, u fost l-oħrajn il-maħfra tad-dnubiet, li għal-Lhud kien Alla biss li kellu s-setgħa jagħmel dan. Uħud ma jaċċettawx dak li jagħmel, għaliex il-messaġġ tiegħu qisu zerriegħa li taqa’ fuq art diversa (kap. 4). Ġesù huwa l-Messija, imma mhux il-messija kif kien mistenni minn ħafna.
It-Tieni Att – Il-vjaġġ ta’ Ġesù mill-Galilija għal Ġerusalemm
Fit-tieni att, id-dixxipli qed jippruvaw jifhmu min hu eżattament il-Messija (kap. 8b–10). Il-kapitlu 8 jibda b’konverżazzjoni interessanti (8:27-38), li fiha Ġesù jagħmel il-mistoqsija: Min jgħidu n-nies li jien? Pietru jwieġed u jgħid li hu l-Messija. Ġesù juri li biex timxi wara l-Messija, trid tmut għalik innifsek kontinwament. F’dan it-tieni att insibu ir-rakkont tat-trasfigurazzjoni.
It-Tielet Att – Ġerusalemm
Fit-tielet att naraw kif Ġesù isir ir-re messjaniku (kap. 11-16). Jibda b’daħla solenni ġewwa Ġerusalemm fejn, fost l-oħrajn, Ġesù jitkellem fuq li hu ikbar mit-Tempju u jikkundanna l-mexxejja. Fil-kapitlu 13, huwa jitkellem fuq il-persekuzzjoni u d-distruzzjoni ta’ Ġerusalemm. Dan iwassal kollox għall-aħħar ikla tiegħu. Quddiem is-salib huwa suldat ruman li jirrealizza verament x’inhi l-identità ta’ Ġesù:
“Dan il-bniedem kien tassew Bin Alla!”
Mark (15, 39)
Ġesù huwa mpoġġi ġo qabar li, wara xi ftit ġranet, in-nisa li jmorru hemm isibuh vojt, għaliex qam mill-imwiet. Il-ktieb jispiċċa bl-istess mod li spiċċaw l-ewwel żewġ atti: “kellhom rogħda fuqhom u baqgħu mbellhin bil-biża’. U ma qalu xejn lil ħadd, għax beżgħu” (16, 8).
Fl-għeluq tal-Evanġelju nsibu lil Ġesù jitkellem mad-dixxipli u jgħidilhom biex imorru “fid-dinja kollha, xandru l-Evanġelju lill-ħolqien kollu” (16, 15). L-għeluq ta’ dan l-Evanġelju mhuwiex elaborat ħafna, u dan jista’ jgħin biex juri li l-Messija huwa Ġesù li miet u qam mill-imwiet. Fl-assenza ta’ għeluq twil u elaborat, San Mark iħalli lill-qarrej isaqsi lilu nnifsu: int kieku taħrab lil hemm, jew tagħraf lil Ġesù bħala l-Messija?