Mis-Sebgħa u Għoxrin Ħadd sat-Tlieta u Tletin Ħadd matul is-Sena B fit-Tieni Qari naqraw biċċiet mill-Ittra lil-Lhud. Din l-Ittra nsibuha fit-Testment il-Ġdid, eżatt wara l-Ittri ta’ San Pawl.
L-awtur tal-Ittra
L-Ewwel Ittra ta’ Ġwanni u l-Ittra lil-Lhud biss mill-ittri kollha tat-Testment il-Ġdid ma jibdewx b’tislima li fiha jissemma l-awtur. Sa mit-tieni seklu, fil-Knisja ta’ Lixandra, fl-Eġittu, din l-ittra kienet maħsuba li kitibha Pawlu. La Klement ta’ Ruma (35-99 WK) u lanqas il-Kanoni Muratorjan (tmiem it-tieni seklu WK) fil-Punent ma jsemmu l-awtur tagħha. Bejn is-seklu 4 u 5, il-Knisja tal-Punent kienet aċċettatha bħala miktuba minn Pawlu.
Li Pawlu la hu l-awtur dirett u lanqas li kitibha ħaddieħor fuq il-ħsieb tiegħu, illum ma jiddubitah kważi ħadd. Il-vokabularju, l-istil ta’ Grieg mirqum, l-istruttura tan-nisġa tat-tagħlim u t-tħeġġiġ li nsibu fl-ittra jidhru li mhumiex ta’ Pawlu. L-awtur tal-Lhud jibda ċ-ċitazzjonijiet li jdaħħal mit-Testment il-Qadim, u jippreferi jikkwota t-Testment il-Qadim skont it-traduzzjoni Griega tat-Testment il-Qadim, imsejħa s-Septwaġinta (imqassra LXX). Espressjonijiet komuni ħafna fl-ittri ta’ Pawlu (bħal “Kristu Ġesù”) ma nsibuhomx f’Lhud. Fejn il-qawmien mill-mewt ta’ Ġesù hu suġġett mill-ewlenin f’Pawlu, fil-Lhud jissemma darba biss (13, 20). Bil-maqlub: is-suġġett ta’ Lhud—Kristu bħala l-Qassis il-Kbir—ma jidher imkien fl-ittri ta’ Pawlu. F’Galatin 1, 11-12 Pawlu jgħid li hu ma reċeviex l-Evanġelju mingħand il-bnedmin imma kien Alla li rrivelalu lil Ibnu Ġesù; Lhud 2, 3 tgħid il-maqlub.
Meta aktarx inkitbet
Minħabba li Klement ta’ Ruma użaha għall-ewwel ittra tiegħu (f’36, 1-5; ara Lhud 1, 3-5. 7. 13), l-ittra lil-Lhud ma setgħetx inkitbet wara s-sena 100 WK. Min-naħa l-oħra, l-awtur ma setax kien mill-ewwel ġenerazzjoni ta’ nsara: “wassluha sħiħa lilna dawk li semgħuh” (Lhud 2, 3), il-qarrejja tiegħu kienu ġa nsara minn xi żmien (ara 5, 12; 10, 32). Mela l-ittra nagħtuha d-data tal-kitba madwar is-sena 80.
L-awtur juri ħeġġa kbira fit-tagħlim tiegħu li t-tempju, is-sagrifiċċji u l-festi tal-Lhud, l-istituzzjoni tal-qassisin ma kienx baqa’ lokhom għax kien qiegħed jittiħdilhom posthom minn dawk tat-Testment il-Ġdid u minn Kristu Ġesù nnifsu li hu l-Qassis il-kbir, it-Tempju u l-Ħaruf.
Lil min inkitbet
Fiha tħeġġiġ partikulari biex l-insara ma jitilqux il-fidi tagħhom (ara 2, 1-3; 3, 12; 6, 4-6). Dan, u l-fatt li l-awtur jara s-sagrifiċċji, it-tempju u l-kult tal-Lhud bħala periklu għall-fidi nisranija, ixaqleb lejn il-fehma li kien qiegħed jikteb lill-insara Lhud.
It-titlu “Lil-Lhud” insibuh fl-eqdem papiru li għandna (P46) użat fl-Eġittu u fl-Afrika ta’ Fuq sa mis-sena 200 WK. Nistgħu għalhekk noqorbu lejn dawk li lilhom aktarx inkitbet l-ittra: insara Lhud jgħixu f’Ruma (jissemmew il-persekuzzjonijiet f’Lhud 10, 32-36) li kienu fi żmien bejn li nkitbet l-ittra ta’ Pawlu lir-Rumani u l-ewwel waħda ta’ Klement ta’ Ruma. Jekk hu hekk, il-komunità ta’ Ruma rċeviet tliet ittri ta’ tant importanza. Nistgħu nifhmu aħjar il-għala dik il-komunità ta’ nsara kellha tkun tant ewlenija fost il-Knejjes kollha.
Ix-xeħta letterarja tal-ittra
Lhud hija ittra miktuba b’attenzjoni kbira għall-kontenut tagħha, imma wkoll għall-istil, u l-kompożizzjoni. Dan, u s-suġġett daqstant ewlieni li tittratta, jagħmilha aktar kitba teoloġika milli biss ittra. Imma l-awtur ried ukoll isaħħaħ lill-qarrejja fil-ġlieda kontra t-tagħlim falz u t-tentazzjoni li jħallu l-fidi tagħhom. F’13, 22 l-awtur innifsu jsejjaħ dak li kien qiegħed jikteb: “kliem ta’ tħeġġiġ jew twissija” (bil-Grieg, lògos paraklèseos). Aktarx, għalhekk, li l-Ittra lil-Lhud hija omelija miktuba, li magħha l-awtur għaqqad biljett ta’ Introduzzjoni u Tmiem (13, 22-25).