Bħala nsara fid-dinja

L-insara ma jinqatgħux mid-dinja permezz ta’ lbies jew marki oħra, għax id‑dar u l-missjoni tagħhom hi d-dinja stess li huma msejħin iqaddsu bil‑ħajja tagħhom. Għalhekk, dak li jiddistingwi lin-Nisrani fid-dinja hu dejjem is-sinjal tal-Aħbar it-Tajba, il-ferħ muri bħala s-sinjal tas-Saltna: il‑ħniena bla tarf ta’ Alla lejn id‑dinja. Bħalma jgħid Karl Rahner SJ, l-Insara fid-dinja jridu jkunu “mistiċi” b’dak kollu li jagħmlu; huma jdaħħlu l‑ħniena ta’ Alla fl‑azzjonijiet kollha tagħhom kull fejn ikunu.

L-Insara huma professjonisti, nies tas-sengħa, ħaddiema, dawk li jieħdu ħsieb djarhom u pensjonanti li, fl-isfera tal‑ħajja tagħhom, huma msejħin jaħdmu mhux biss b’passjoni, kreattività u integrità, imma wkoll f’solidarjetà, dejjem attenti għall‑ġid tal‑oħrajn u jħabirku għall‑ġid komuni. Għandhom jgħaqqdu u jħeġġu n-nies fl-għeruq (grassroots) u jieħdu sehem fis-soċjetà ċivili, mhux biss misjuqin minn sens ta’ ġustizzja imma, fuq kollox, minn sens ta’ tama, fiduċja u mħabba. Is-sejħa tagħhom li jġeddu d-dinja trid tingħex fi spirtu ta’ rażan, billi jiċħdu l-kilba għas-suċċess personali jew il-vanaglorja. Trid tingħex b’kuraġġ, billi jkunu reżiljenti quddiem il-kuntrarju ta’ kull xorta, imma wkoll billi jpoġġu l‑ġid tal‑minsijin qabel il-kumdità tal-kotra.

Il-vokazzjoni tan-Nisrani fid-dinja tilħaq il-quċċata tagħha meta jkun lest jew lesta, li jaqdi jew taqdi, lill-“belt” kollha fl-arti tal-politika. Fil-livelli kollha tal-parteċipazzjoni politika, in-Nisrani jrid jersaq biex jiddjaloga, bi kreattività jfittex li jsolvi l-kunflitti għall‑ġid ta’ kulħadd, u jieħu deċiżjonijiet għaqlija waqt li jżomm quddiem għajnejh l‑ikbar ġid.

Fl-aħħar mill-aħħar, l-inkulturazzjoni tal-Evanġelju fil-kuntest Malti tal-lum mhijiex kwistjoni ta’ kemm hemm mgħammdin jew nies li jsejħu lilhom infushom Kattoliċi, imma kif flimkien, bħala poplu li jgħammar fuq dil-gżira, ser inkunu sinjal tat-tama tas-Saltna fil-livelli kollha tas-soċjetà tagħna.

(mid-dokument Knisja Waħda, Vjaġġ Wieħed, 40-41)