Il-varjetà tal-ministeri lajkali fi ħdan il-Knisja

Li nkunu Poplu Qaddis ta’ Alla b’missjoni fid-dinja, isserraħ fuq żewġ movimenti kumplimentari, minn barra għal ġewwa (ċentripetu) u minn ġewwa għal barra (ċentrifugu). It-tnejn huma primarjament il-vokazzjoni tal-lajk.

L-ewwel insibu l-ministeru ta’ kuljum, u fil-moħbi, tal‑ħafna ġenituri Nsara msejħin irawmu “il‑knisja tad-dar” li fuqha jippresiedu. Dan il-ministeru hu indispensabbli u, fl-istess ħin, l-iktar wieħed fraġli f’dawn iż‑żminijiet ta’ sfida. Il‑komunità ekkleżjali kollha għandha toffri għajnuna u akkumpanjament reċiproku lill‑ġenituri fit‑trobbija ta’ wliedhom fil-fidi. Il-Knisja hi magħmulha mill-familji, u l-maternità u l-paternità huma l-modi l-iktar fundamentali li bihom nixbhu fl-imħabba—fl-imħabba divina li hi ħniena—il-Paternità u l-Maternità ta’ Alla u l-Knisja.

Dan il-ministeru fundamentali jiġi estiż u sostnut minn dawk li jgħinu lill‑ġenituri nsara l‑iktar mill-qrib:

  • il-ministeru importanti tal-katekisti fil-parroċċi, u tal-għalliema u professjonisti oħra fl-iskejjel Kattoliċi, li l-għan ewlieni tagħhom hu li jrawmu spirtu Nisrani fi wliedna;
  • dawk li jaħdmu maż‑żgħażagħ u l‑familji, diretturi spiritwali, dawk li joffru akkumpanjament pastorali, u oħrajn li jaqdu billi jakkumpanjaw lill-familji fil-fażijiet differenti tal-formazzjoni kontinwa tagħhom.

Dawn il-ministeri jeħtieġ li jissaħħu għax iż‑żgħażagħ huma t‑tama tal-Knisja; il‑ħarriesa tat‑tradizzjoni tagħha, imma kuraġġużi biżżejjed li jaddattaw bi flessibbiltà akbar għall-inkulturazzjoni tal-Evanġelju fi żminijietna. B’mod speċjali fir‑relazzjoni tagħhom man-nanniet, il-Knisja titwieled mill‑ġdid ma’ kull ġenerazzjoni, filwaqt li tibqa’ fidila għall‑kerygma tal-Appostli.

Il-missjoni tal-ministri lajċi tinħass b’qawwa wkoll fil-Knisja bis-sehem tagħhom, permezz tal-istess magħmudija tagħhom, fis-saċerdozju ta’ Kristu. Ħafna rġiel u nisa, spiss fil-moħbi, jaqdu fil‑ħajja tal‑parroċċi tagħhom permezz ta’ ministeri liturġiċi u ta’ talb, b’mod speċjali permezz tal-kariżma partikolari tal-moviment lajkali tagħhom. Il‑movimenti lajkali huma għejun ta’ ħajja fil‑Knisja li joffru diversità għanja li tilħaq ħafna djar u periferiji, u jfakkru fix‑xewqa tal‑Insara tal‑bidu li kienu jinġabru flimkien biex jaqsmu l‑Kelma u jsiru ħbieb fil‑Mulej.

Il-lajċi jaqdu wkoll f’għemejjel ta’ karità: permezz tal-ministeri soċjali tal-parroċċi offruti lill-komunità inġenerali u kif ukoll permezz tas-servizz professjonali tagħhom fl-istituzzjonijiet tal-Knisja.

Fl-aħħar mill-aħħar, il‑ħidma tal‑lajċi trid tibqa’ orjentata lejn il-missjoni ewlenija tal-Knisja li tagħti xhieda fid-dinja.

(mid-dokument Knisja Waħda, Vjaġġ Wieħed, 39-40)