Il-kariżma profetika tar-reliġjużi rġiel u nisa

Ir-reliġjużi rġiel u nisa, bil‑konsagrazzjoni tal‑ħajja tagħhom lil Kristu, jagħtu xhieda għat‑tama eskatoloġika. Il-voti tal-faqar, kastità u ubbidjenza, fi stil ta’ ħajja ddedikat għat-talb u l-qadi, jissimbolizzaw b’ċarezza liema bħalha kif il-Knisja għandha tħabbar bil-preżenza tagħha s-Saltna mwiegħda fl-aħħar taż‑żminijiet. Kull persuna kkonsagrata hi bħal fjamma ta’ xema’ li taqbad b’qawwa u perseveranza fid-dlam. Huma wkoll ifakkru lill-Poplu ta’ Alla, imsejjaħ li jgħix fid-dinja, li daru tassew qiegħda “fis-sema.”

Kull kongregazzjoni reliġjuża turi kariżma partikolari li l-ecclesia lokali mhux biss wirtet imma wkoll jeħtieġ li tikkultiva fil-preżent. Il-Knisja lokali tagħna hi mbierka b’ħafna ordnijiet reliġjużi tal-irġiel u n-nisa. Il-mod kif dawn jgħixu l-kariżmi differenti b’fedeltà u bi trasparenza, juri lill-Poplu kollu ta’ Alla liema huma dawk l-aspetti kruċjali tal‑ħidma tal‑Knisja lokali li jeħtieġ nikbru fihom għall‑ġid ta’ kulħadd: il-kontemplazzjoni, it-tagħlim, il-fejqan, id-dixxerniment spiritwali, il-qadi tal-iktar batuti, l-akkumpanjament spiritwali, l-edukazzjoni ta’ wliedna.

Il-perseveranza fl-għixien tal-istess kariżmi b’awtentiċità u bi kreattività tul is-sekli, u allura fi sfidi kulturali dejjem jinbidlu, turi lill-Knisja tal-lum kif għandha tinkultura l-Evanġelju mill‑ġdid f’Malta.

(mid-dokument Knisja Waħda, Vjaġġ Wieħed, 38-39)