Dixxerniment Komunitarju

Imma, bħala Nsara, niddixxernu wkoll flimkien bħala Knisja. Id‑dixxerniment komunitarju hu meħtieġ meta, fil‑komunitajiet differenti fejn tinġabar il‑Knisja, infittxu li naqraw is‑sinjali taż‑żminijiet fid‑dawl tal‑Evanġelju u naġixxu fi qbil ma’ dak li l‑Ispirtu s‑Santu jitlob minna.

  • Fil‑Knisja “domestika,” jew kull fejn jinġabru l‑komunitajiet iż‑żgħar. Dawn il‑komunitajiet jistgħu jkunu l‑familji; il‑komunitajiet reliġjużi partikolari marbutin ma’ kunvent jew missjoni speċifika; il‑komunitajiet żgħar ta’ ħbieb li jaqsmu l‑istess kariżma;
  • Fil‑“parroċċi,” jew fejn il‑ġemgħa tinġabar b’mod sħiħ bħala kleru, lajċi u reliġjużi li flimkien jiddixxernu kif l‑Ispirtu qed isejħilhom jaqdu u joħorġu ’l barra fit‑territorju partikolari tagħhom. L‑istess jgħodd għall‑ħidma fl‑iskejjel tal‑Knisja jew l‑istituzzjonijiet l‑oħra tal‑Arċidjoċesi;
  • Fil‑“provinċji jew kongregazzjonijiet reliġjużi” jew fil‑“movimenti lajkali” fejn, bħala komunitajiet li għandhom kariżma li torbothom mal‑Knisja Universali imma wkoll preżenti lokalment, l‑ispirtu partikolari ta’ qadi li jikkaratterizza kull komunità jrid jinkarna ruħu f’ċirkostanzi lokali partikolari, skont ma jnebbaħhom l‑Ispirtu.
  • Fl‑Arċidjoċesi, nibdew mill‑istrutturi tal‑Kurja tagħha, imma wkoll permezz ta’ proċess li jiggarantixxi sinodalità vera sabiex il‑Knisja Maltija tkun tassew magħquda ħaġa waħda u flimkien tfittex li tisma’, li titlob u li tkun strument f’idejn l‑Ispirtu għall‑ħidma tiegħu—ikun xi jkun il‑prezz li dan jitlob.

Il‑Knisja lokali qed tiġi mistiedna tgħaddi minn din il‑konverżjoni fil‑modus operandi tagħha, fil‑mod li bih ser inkunu tassew “melħ” f’artna u “dawl” għall‑futur tagħha, billi nsiru “poplu ta’ Alla li jiddixxerni” u jaġixxi f’ismu, bħal nagħaġ li jagħrfu l‑leħen tar‑Ragħaj Veru tagħhom (ara Ġw 10, 14).

(mid-dokument Knisja Waħda, Vjaġġ Wieħed, 82-83)