Il‑ġrieħi fil‑Knisja bħala istituzzjoni li taqdi l‑Poplu Qaddis ta’ Alla

Il‑Knisja bħala “Poplu ta’ Alla” hi msejħa tkun “komunità ta’ ħbieb” li jterrqu flimkien. Il‑modus operandi u l‑istrutturi tal‑Knisja għandhom jirriflettu din it‑tfixxija biex inkunu “poplu f’pellegrinaġġ” flimkien. Il‑Knisja lokali hi miġruħa proprju fejn l‑istrutturi, l‑istituzzjonijiet u l‑proċeduri formali tagħha ma jiffaċilitawx, anzi jikkontradixxu, l‑ispirtu ta’ ħbiberija u reċiproċità. Fl‑Ittra lill‑Poplu ta’ Alla (Awwissu 20, 2018), il‑Qdusija Tiegħu l‑Papa Franġisku identifika tliet ġrieħi fondi fil‑Knisja, li huma wkoll tagħna: “abbuż sesswali, abbuż ta’ poter u tal‑kuxjenza.” U identifika l‑għeruq ta’ dawn il‑ġrieħi fil‑klerikaliżmu li jikkaratterizza mod ta’ kif tiffunzjona “l‑Knisja istituzzjonali.” Barra minn hekk, f’Malta, il‑ġrieħi tal‑klerikaliżmu għandhom il‑forom distinti tagħhom li jagħmlu ħafna ħsara minħabba fiċ‑ċokon tagħna, l‑istorja politika mqallba tagħna ta’ dawn l‑aħħar mitt sena, u d‑dinamiċi kulturali partikolari tagħna sforz sens ta’ vulnerabbiltà eżistenzjali: it‑tendenza li ma nafdawx lill‑“barrani,” il‑pika u t‑tribaliżmu bl‑attitudni ta’ aħna‑u‑huma.

Hu ferm importanti li nagħrfu d‑dgħufijiet tagħna, nirrikonoxxu kif ferejna lil xulxin fil‑passat u, bħala Nsara, infittxu li nagħtu bidu għal proċess biex nisimgħu lil xulxin, infittxu modi kif nistgħu nsewwu l‑kunflitti, u, fuq kollox, nitolbu l‑qawwa tal‑Ispirtu s‑Santu biex naslu li naħfru lil xulxin.

Fl‑istess ħin, jeħtieġ li ma noħolqux iktar firdiet fil‑ġemgħa meta ma jirnexxilniex inkampaw flimkien, naħdmu flimkien jew saħansitra nitolbu flimkien bħal aħwa. Għandna bżonn nitgħallmu napprezzaw iktar mhux biss id‑doni ta’ xulxin, imma wkoll is‑sbuħija tas‑sejħa partikolari tagħna—is‑sejħat distinti tal‑kleru, ir‑reliġjużi u l‑lajċi, imma li kollha għandhom sehem fil‑missjoni ta’ Kristu bħala Qassis, Profeta u Sultan, u għandhom l‑istess orjentazzjoni evanġelika għax‑xandir u l‑qadi, li naraw fl‑Imgħallem tagħna.

Bħalma Ġesù wissa lid‑dixxipli tiegħu meta nqalgħet kwistjoni bejniethom dwar min minnhom kellu jinżamm bħala l‑akbar wieħed:

“Fost il‑pagani s‑slaten jaħkmu fuq in‑nies, u dawk li jħaddmu s‑setgħa fuqhom isejħulhom benefatturi. Intom mhux hekk, imma l‑akbar fostkom għandu jġib ruħu tal‑iżgħar wieħed, u min hu fuq l‑oħrajn iġib ruħu ta’ qaddej. Għax min hu l‑akbar, dak li jkun fuq il‑mejda, jew dak li jkun qiegħed jaqdi? Mhux dak li jkun fuq il‑mejda? Imma jien qiegħed fostkom nagħmilha ta’ qaddej.”

Lq 22, 25–27

(mid-dokument Knisja Waħda, Vjaġġ Wieħed, 69-70)