Ġrieħi fl‑ecclesia, il‑Poplu Qaddis ta’ Alla

Il‑Knisja Maltija ma tbatix biss minn ġrieħi istituzzjonali u storiċi. Imma aħna wkoll poplu miġruħ mit‑telqa, inħossuna mitlufin u mħawdin, għax nagħtu wisq importanza lill‑isforzi fjakki tagħna, u ma nagħtux kas biżżejjed ta’ dak li l‑Ispirtu s‑Santu qed iwettaq fostna.

Nisfgħu miġruħa bħala Poplu meta neskludu gruppi partikolari mill‑istess ħajja tal‑Knisja għax ma nakkumpanjawhomx fit‑taħbit tagħhom, imma sempliċiment inwarrbuhom jew nidhru li qed inqaċċtuhom ’il barra permezz ta’ kliem li joqtol u jikkundanna flok jagħti l‑ħajja permezz tal‑ħniena u l‑fejqan ta’ Kristu.

Forsi m’għadniex nistgħu nitkellmux fuq “Malta Kattolika”, imma għandna nkunu grati għax dan l‑istess proċess li fih l‑“Knisja bħala istituzzjoni” qed tingħata l‑ġenb qed joħloq spazju fejn tista’ titwieled mill‑ġdid il‑“Knisja bħala komunjoni vera”; bħal ħmira li tista’ ttella’ l‑għaġna ta’ kultura ġdida ta’ ħbiberija, fejn ma nibżgħux mid‑differenzi reliġjużi u politiċi, imma minflok inħaddnu d‑diversità kollha bħala sinjal tal‑kreattività u s‑sbuħija infinita ta’ Alla.

Il‑ħeġġa evanġelika tagħna trid titkebbes mill‑ġdid billi nħossu li għandna għan komuni, li hu l‑Evanġelju nnifsu: mhux in‑nostalġija tagħna għal “Knisja” li spiċċat, jew l‑entużjażmu għal Knisja skont kif infassluha aħna, imma billi b’umiltà nagħrfu kif l‑Ispirtu s‑Santu qed jibni l‑ġisem ta’ Kristu f’Malta.

Il‑kliem tal‑Papa Franġisku fl‑ittra msemmija iktar ’il fuq jurina t‑triq tal‑fejqan għall‑parroċċi, il‑komunitajiet reliġjużi u l‑movimenti lajkali tagħna, u bħala “Poplu Qaddis ta’ Alla” wieħed. Jistedinna wkoll naħsbu fuq il‑misteru profond tal‑fidi tagħna ta’ kif it‑tbatija ssalva—anke l‑ansjetà spiritwali tal‑Knisja lokali tagħna fi żmien ta’ “konfużjoni”: “‘Jekk membru jbati, ibatu l‑oħrajn flimkien miegħu,’ kien qalilna San Pawl. Permezz ta’ atteġġjament ta’ talb u ta’ penitenza nkunu nistgħu nidħlu f’armonija personali u komunitarja ma’ din l‑eżortazzjoni, sabiex fostna jitkattru d‑doni tal‑kompassjoni, tal‑ġustizzja, tal‑prevenzjoni u tat‑tiswija. Marija għarfet tibqa’ f’riġlejn is‑salib ta’ binha. M’għamlitx hekk kif ġie ġie, imma kienet hemm b’mod deċiż, bilwieqfa u ħdejh. B’dil‑pożizzjoni tesprimi l‑mod kif kienet tkun fil‑ħajja.

Meta nħossu n‑niket kbir li jqanqlu fina dawn il‑pjagi ekkleżjali, jagħmlilna tajjeb li flimkien ma’ Marija “ninsistu aktar fit‑talb” (ara S. Injazju ta’ Loyola, Eżerċizzi Spiritwali, par. 319), u nagħmlu ħilitna biex nikbru fl‑imħabba u fil‑fedeltà lejn il‑Knisja. Hi, l‑ewwel dixxiplu, tgħallem lilna lkoll dixxipli kif għandna nġibu ruħna quddiem is‑sofferenza tal‑innoċenti, mingħajr ħarba u bla ma nkunu beżżiegħa. Li nħarsu lejn Marija jfisser li nitgħallmu niskopru fejn għandu jkun u kif għandu jġib ruħu d‑dixxiplu ta’ Kristu.

(mid-dokument Knisja Waħda, Vjaġġ Wieħed, 70-71)