Ġrieħi fit-tessut soċjali tagħna

Kull soċjetà hi profondament miġruħa u tagħna mhijiex eċċezzjoni. Anzi, nitqarrqu jekk nippretendu li s‑soċjetà tagħna qed tiffjorixxi billi nkejlu biss fatturi ekonomiċi jew soċjali imma ninjoraw indikaturi oħra tal‑ġid. U iktar perikolużi huma l‑kontradizzjonijiet u l‑inkonsistenzi li naċċettawhom bħala normali, meta ngħidu li nħaddnu etika favur il‑ħajja jew l‑inklużjoni soċjali, jew tal‑libertà tal‑espressjoni u d‑demokrazija, imma mbagħad il‑fatti jitkellmu mod ieħor għax l‑imġiba tagħna tiċħad b’mod sfaċċat dawn l‑ideali.

Il‑qtil ta’ ġurnalista li ħasad lil kulħadd u l‑omiċidju kiesaħ u biered ta’ immigrant; il‑mod kif ħafna nies iqisu normali ċerti prattiċi “kollettivi” bħall‑evażjoni tat‑taxxa, it‑tixħim u l‑omertà, jew kif b’mod mill‑iktar naturali nibnu r‑rabtiet soċjali tagħna permezz tal‑“ħbieb tal‑ħbieb”, l‑unur, “familiżmu amorali,” il‑pjaċiri u l‑idea li l‑ewwel nieħdu ħsieb dak li hu tagħna qabel ir‑responsabbiltà soċjali … dan kollu juri li hemm qabża bejn ir‑realtà kif inhi u l‑ispirtu Kattoliku msejjes fuq il‑ġid komuni, is‑solidarjetà, l‑għażla preferenzjali favur il‑foqra, jew saħansitra dak is‑sens ċiviku bażiku fejn “is‑sħiħ” (il‑ġid tal‑polis fl‑interess ta’ kulħadd) hu tassew ikbar mill‑ġabra tal‑partijiet flimkien (jew l‑interessi individwali tagħna).

Dan qed jiġri mhux għax “il‑Knisja” bħala ġerarkija mhijiex titkellem fuq affarijiet marbutin mal‑ġid komuni, imma għax aħna stess bħala l‑Poplu ta’ Alla, fir‑relazzjonijiet soċjali tagħna, qed nonqsu milli nagħtu xhieda għall‑Evanġelju tal‑ħajja, kemm bil‑mod kif nikkomunikaw, imma wkoll bl‑istess ħajja li ngħixu.

Anke jekk “il‑Knisja”—b’mod speċjali l‑istituzzjonijiet tagħha—ifittxu li jkunu dawl fil‑proċess politiku u ekonomiku tagħna, “il‑Knisja” fid‑dinja—il‑ħajja tagħna fis‑soċjetà, fuq il‑media soċjali, fuq il‑post tax‑xogħol, fi djarna u fil‑ħajja personali tagħna—hi msejħa biex b’urġenza tagħti xhieda ta’ kif “is‑Saltna ta’ Alla” tinkarna ruħha permezz tal‑għażliet konkreti tagħna li nilqgħu lill‑barrani, nakkumpanjaw lil dawk li huma vulnerabbli fil‑ħtiġijiet kollha tagħhom, u nisimgħu dwar kif il‑preġudizzji tagħna jferu lill‑istess ħajja tagħna flimkien. Il‑konverżjoni soċjali u politika trid tibda minna stess billi nħallu lilna nfusna niddakkru mit‑tagħlim soċjali tal‑Knisja li jisfida lil kull wieħed u waħda minna, personalment u bħala komunità, biex inkunu Knisja għal u mill‑periferiji, billi nfittxu l‑ġustizzja tagħhom qabel l‑għana tagħna, il‑ġid tagħhom qabel il‑kumdità tagħna.

(mid-dokument Knisja Waħda, Vjaġġ Wieħed, 72-73)