L‑ambjent miġruħ li ngħixu fih

Il‑ġrieħi fit‑tessut soċjali tagħna jidhru wkoll b’mod ċar fit‑tħarbit ta’ artna għall‑gwadann ekonomiku; fl‑arja mniġġsa tagħna; fil‑ġenn fit‑toroq tagħna u madwarna, li jagħmilha diffiċli nduqu mill‑ġdid dik is‑serenità li fil‑passat konna nassoċjaw mal‑eleganza moħbija tal‑irħula tagħna jew mas‑sbuħija tal‑pajsaġġ naturali tagħna. Qed ngħixu f’ambjent fejn il‑kruha qed ittaqqal lil ruħna u l‑ħajja tagħna ta’ kuljum.

Dawn il‑ġrieħi fis‑sensi u fis‑saħħa fiżika tagħna jsiru iktar gravi meta fl‑istil ta’ ħajja li qegħdin ngħixu “ma jkunx hemm ħin biżżejjed” għal dak li tassew jiswa. Bħal donnu l‑istess pajsaġġ tagħna hu mmarkat mit‑teknokrazija li tissikka fuqna bħall‑morsa biex iġġagħalna nikkonformaw mal‑loġika tagħha li tneżżagħna mill‑umanità tagħna. Minflok ma l‑bniedem jieħu ħsieb l‑art fi spirtu ta’ responsabbiltà reċiproka, il‑bniedem ikisser u jeqred, sakemm l‑istess pajsaġġ jirribella u jpattihielna.

Din hija l‑karba tal‑enċiklika ekoloġika Laudato si’, par. 106‑110, li tfakkarna li “l‑paradigma teknokratika dominanti” ġabet ħerba mhux biss fl‑ambjent tagħna, imma wkoll fl‑istrutturi politiċi u soċjali tagħna, u, saħansitra, fuq l‑istess ideal tagħna ta’ ħajja tajba. Bid‑delużjoni li ninsabu mixjin fit‑“triq tal‑progress”, qed ninqabdu minflok f’ċirku vizzjuż li qed jeqridna bil‑mod il‑mod.

U lanqas ma neħilsu minn din l‑ansjetà fl‑“ambjenti alternattivi” li ħloqna bit‑tentazzjoni li “naħarbu.” Il‑kuntest diġitali—dik ir‑realtà awmentata li fiha kulma jmur qed inqattgħu iktar mill‑ħin tagħna, anke l‑ħin biex “nissoċjalizzaw”—hu wkoll immarkat mill‑istess estetika ta’ esaġerazzjoni; etika ggwidata minn “kif nidhru”, fejn l‑“immaġni” tieħu post ir‑realtà, u l‑mod kif nippreżentaw ruħna jieħu post l‑awtentiċità. F’dal‑kuntest, dan il‑“bżonn” li nimpressjonaw u li tgħaddi tagħna—flok id‑djalogu u l‑konverżazzjoni—qed jimmarkaw xi minn daqqiet anke l‑preżenza tagħna bħala “Knisja”. Hu ta’ skandlu meta dak li suppost bħala Knisja msejħin li nkunu xhieda tiegħu—Knisja li tisma’, li tilqa’, li takkumpanja u li toħroġ—jissarraf f’oppożizzjoni, fil‑bini ta’ ħitan, f’attitudni li tfittex li tbaxxi lill‑ieħor, u meta ningħalqu fiċ‑ċertezzi tagħna u mal‑ftit li huma bħalna.

Irridu nibdew inwieġbu għas‑sejħa li nieħdu ħsieb il‑ħolqien bid‑deċiżjonijiet iż‑żgħar tal‑ħajja ta’ kuljum li nieħdu bħala persuni u fil‑komunitajiet tagħna. Bħala Knisja f’din il‑gżira ċkejkna tagħna, għandna tama li nistgħu nkunu preżenti fis‑soċjetà kollha; li nistgħu nieħdu passi konkreti biex inreġġgħu lura ċ‑ċiklu ta’ qerda ekoloġika u kulturali—offline u online—u niżirgħu mill‑ġdid il‑barka tal‑bidu tal‑ħolqien. Kemm aħna lesti nxandru l‑Evanġelju tal‑ħajja fejn l‑iktar meħtieġ—u aħna stess nikkonformaw miegħu?

(mid-dokument Knisja Waħda, Vjaġġ Wieħed, 73-74)