L‑ispirtu miġruħ tagħna: ir‑ruħ personali u kollettiva maqtugħa minn Alla

Fl‑aħħar mill‑aħħar, il‑kawża tal‑ġrieħi tagħna hija d‑dnub—dik il‑kburija li taqtagħna minn Alla nnifsu, il‑Ħallieq, Feddej u Sostenitur tagħna. Meta nġibu ruħna daqslikieku Alla ma jeżistix; meta, bħala Knisja, nifirdu l‑ħajja “spiritwali” tagħna mill‑ħsibijiet tal‑ħajja fid‑“dinja”, aħna nferu l‑ispirtu tagħna li min‑natura tiegħu jfittex dak li hu traxxendentali u li jqim lill‑Missier. Meta d‑dnub tagħna jinfiltra f’kull aspett tal‑eżistenza tagħna, jidrob ukoll ix‑xewqa tagħna għal Alla u l‑qima tagħna titlef il‑vivaċità u l‑awtentiċità tagħha.

Din hi t‑traġedja tal‑ġrieħi fl‑esperjenza tagħna tat‑talb flimkien u personali. It‑talb li jsir id‑dar, bħala familja miġbura flimkien, jgħaddi esperjenzi ta’ devozzjoni u jrawwem fid‑dixxiplina tal‑kontemplazzjoni personali. Imma meta d‑dar ma tibqax spazju ta’ talb—jiġifieri, permezz ta’ ħin personali u bħala familja ddedikat għal xejn iktar ħlief għat‑tifħir ta’ Alla—imbagħad lanqas jirnexxilna nitgħallmu “kif nitolbu” u anke t‑talb pubbliku u komunitarju tagħna jbati.

Kull reliġjon, fil‑kult tagħha, għandha l‑obbligu li turi l‑qima tagħha lil Alla. It‑talb hu att pubbliku, li permezz tiegħu nagħrfu lil Alla bħala dak li jimla r‑realtà tagħna, u allura bħala dak li jixraqlu li nqimuh. Għalhekk, il‑mod ta’ kif, bħala l‑Poplu ta’ Alla f’Malta, nidhru nitolbu jgħid ħafna fuq l‑għarfien tagħna ta’ Alla u x‑xhieda li nagħtu għall‑Evanġelju.

Il‑mod li bih niċċelebraw il‑kalendarju liturġiku tagħna ta’ kull sena huwa wkoll partikolari. Il‑quċċata vera tal‑fidi tagħna—Żmien l‑Għid li jwassal sa Pentekoste—jinħass inqas fl‑esperjenza kollettiva tagħna ta’ qima. Iktar b’saħħithom u spiritwalment qawwija fi gżiritna huma s‑simboli tat‑tbatija—id‑Duluri u l‑Ġimgħa l‑Kbira. U iktar ikkuluriti huma ċ‑ċelebrazzjonijiet pubbliċi marbutin mal‑famużi festi tal‑qaddisin patruni.

Bla ebda dubju, il‑festi jġibu n‑nies flimkien u jgħaqqduhom flimkien fil‑memorja kollettiva ta’ ċelebrazzjonijiet li jmorru lura għal għexieren ta’ snin jew sekli. Din id‑dimensjoni tal‑festi terġa’ tlaqqagħna mal‑għejun fondi tat‑talb li għandna d‑dmir li niftakru fihom, ngħożżuhom u nkompluhom.

Imma meta l‑festi reliġjużi tagħna jsiru wirjiet ta’ qawwa maqtugħin mill‑memorja kollettiva tad‑devozzjoni reliġjuża; anke meta l‑liturġiji tagħna ta’ kuljum u tal‑Ħadd ikunu wisq iffukati fuq ir‑rubriki u fuq affarijiet sekondarji hekk li iktar isiru jixbhu xi spettaklu; jew meta l‑imqades tagħna, monumenti fil‑ġebel tad‑devozzjoni tal‑poplu tagħna, isiru s‑simbolu tal‑“Knisja” li teħtieġ “l‑attenzjoni u l‑manutenzjoni” hekk li jieħu post il‑ħtiġijiet tal‑“komunità ekkleżjali” nnifisha; ikun hemm ir‑riskju li noqogħdu nehdew bina nfusna u ninsew li hu l‑Ispirtu s‑Santu li jibni l‑Knisja u hu l‑għajn tal‑qima u t‑talb veri tagħha.

L‑imqades, ir‑ritwali u ċ‑ċelebrazzjonijiet ta’ barra m’għandhomx jieħdu post il‑ġid spiritwali tal‑komunità li jsib l‑għeruq tiegħu fil‑Kelma ta’ Alla, fil‑memorja appostolika tal‑fidi, u fiċ‑ċelebrazzjoni awtentika tal‑misteri li tinkarna ruħha f’kultura partikolari. It‑tradizzjoni ma tistax issir sempliċi tradizzjonaliżmu; lanqas ma jista’ t‑talb ma jġibx trasformazzjoni spiritwali li tgħaddina mill‑esperjenza tat‑tisfija sakemm twassalna għall‑għaqda sħiħa ma’ Alla.

Spiss, għal dawn il‑ġrieħi fit‑talb komunitarju u personali tagħna, inwaħħlu fil‑proċess mgħaġġel ta’ sekularizzazzjoni f’pajjiżna. Imma s‑sekularità għandha wkoll il‑vantaġġi tagħha, fosthom il‑ftuħ għad‑drittijiet ta’ kulħadd u x‑xewqa li ngħixu fil‑paċi minkejja d‑differenzi. Fil‑kultura tagħna, għadna qed nitħabtu biex ngħixu separazzjoni sana bejn Knisja u stat, fejn dak li hu sekulari u dak li hu reliġjuż jistgħu jeżistu flimkien u anke jħallu wisa’ għal xulxin biex jiżviluppaw għall‑ġid ta’ kulħadd. Imma hemm ukoll sinjali pożittivi f’dan ir‑rigward.

Għaldaqstant, il‑qalba tal‑ansjetà spiritwali tista’ tkun iktar fil‑fond. Hu minnu li s‑sekulariżmu, minnu nnifsu, ma jħallix wisa’ fil‑kuxjenza tan‑nies għax‑xewqa ta’ dak li hu traxxendentali u jfittex b’mod radikali li jpoġġi l‑bniedem fiċ‑ċentru tar‑realtà nnifisha. Imma iktar serju mit‑theddida tas‑sekulariżmu huwa meta dak li hu “profan” jieħu bixra reliġjuża jew meta s‑“sagru” jiġi kkummerċjalizzat. Fil‑qalb tagħna, dak li hu tassew reliġjuż jixxekkel minn idolatrija li tipparalizza ruħ il‑bniedem. U dan jista’ jwassal biex il‑“konvinzjonijiet” personali tagħna jieħdu post argument razzjonali; il‑“preferenzi personali” tagħna jitgħollew għal “xewqat fundamentali”; u, għall‑kuntrarju, dak li hu “traxxendenti” jsir biss kwistjoni ta’ “etika” jew sempliċiment “għażla waħda fost ħafna oħrajn.”

Hu minħabba f’hekk li l‑kunflitti kulturali qegħdin dejjem jikbru, bir‑riskju li d‑differenzi kbar fit‑tifsira li nagħtu lir‑realtà jsiru ġerħa fonda fost il‑poplu tagħna, għax ma jirnexxilniex nibnu narrattiva komuni “miftuħa” u nibqgħu Poplu maqsum.

(mid-dokument Knisja Waħda, Vjaġġ Wieħed, 74-77)