Dixxerniment imqanqal mill‑Ispirtu

Waqt li kien fuq il‑mejda magħhom, qabad il‑ħobż, qal il‑barka, qasmu u tahulhom. Imbagħad infetħulhom għajnejhom u għarfuh, iżda hu għab minn quddiemhom.

Lq 24, 30–31

Il‑Knisja ma taġixxix b’mod teknokratiku, billi tippjana skont ma naħsbu li hu “l‑aħjar, l‑iktar effiċjenti jew li l‑iktar jaqbel,” imma bis‑sottomissjoni għal Kristu, is‑Sultan tagħna, u għall‑Ispirtu s‑Santu li tiegħu nixtiequ nwettqu “l‑ħidma” u li tiegħu l‑Knisja tfittex li tkun medjatur tal‑“Ħajja”.

Li nġibu ruħna bħala Knisja, jiġifieri bħala dixxipli ta’ Kristu li qed nintbagħtu, jitlob minna li niġġudikaw u niddeċiedu mhux bil‑kriterji (preġudikati, għax dejjem immarkati bid‑dnub) tagħna, imma f’sintonija mal‑Ispirtu ta’ Alla li jgħaqqadna flimkien bħala “l‑Poplu Qaddis u Wieħed ta’ Alla.”

Dan il‑proċess, li fih nissottomettu ruħna u nirċievu l‑qawwa, insejħulu “dixxerniment.” Proċess li hu msejjes fuq il‑fiduċja li huwa l‑Ispirtu li qed jaħdem permezz tal‑Knisja, u għalhekk li l‑isforzi kollha tal‑Knisja, imwettqa b’xewqa ġenwina għall‑awtentiċità, mhuma qatt l‑isforzi tagħha, u għaldaqstant żgur ser iħallu l‑frott meta jogħġob lil Alla.

Bħalma jgħallem il‑Papa Franġisku:

Biex inżommu ħaj iż‑żelu missjunarju hemm bżonn ta’ fiduċja sħiħa fl‑Ispirtu s‑Santu, biex Hu “jgħinna fin‑nuqqas ta’ ħila tagħna” (Rum 8, 26). Imma fiduċja ġeneruża bħal din hemm bżonn tissaħħaħ u għalhekk irridu nsejħulu f’kull ħin. Hu jista’ jfejjaqna minn dak kollu li jżommna lura fl‑impenn missjunarju tagħna.

Hu minnu li din il‑fidi f’dak li ma jidhirx tista’ tqabbadna ftit tal‑mejt: dan bħal meta tintefa’ f’baħar fejn ma tafx ma’ xiex ħa tiltaqa’. Jiena stess din il‑ħaġa doqtha kemm‑il darba. Minkejja dan, m’hemmx libertà aqwa minn meta nħallu lill‑Ispirtu jeħodna fejn irid Hu, u ma noqogħdux inkejlu jew nikkontrollaw kollox, u nħallu lilu jdawwalna, imexxina, jeħodna fejn jixtieq Hu. Hu jaf tajjeb x’hemm bżonn f’kull żmien u f’kull ħin. Dan ifisser li nkunu misterjożament għammiela!

Evangelii Gaudium, par. 280

(mid-dokument Knisja Waħda, Vjaġġ Wieħed, 80-81)