Dixxerniment Ekkleżjali

Id‑dixxerniment Nisrani ma jinvolvix biss li nħarsu lejn sitwazzjoni b’mod sħiħ, li naqbdu l‑karatteristiċi morali ewlenin, jew li niġġudikaw u niddeċiedu dwar l‑aħjar triq li għandna naqbdu u naġixxu b’mod responsabbli. Dan kollu jeħtieġ li tagħmlu kull persuna moħħha f’postu—Nisranija u mhix. Id‑dixxerniment tan‑Nisrani jitlob li naqraw ir‑realtà mill‑perspettiva ta’ Alla u nħallu l‑Ispirtu s‑Santu jiffurmana biex naħsbu bħalma kien jaħseb Ġesù.

Li naħsbu bħalma kien jaħseb Ġesù u nsiru l‑ġisem tiegħu jfisser li nkunu f’sintonija mal‑ħidma ħajja tal‑Ispirtu s‑Santu li tikkuntrasta mas‑sinjali tal‑mewt li jnixxu l‑ispirti ħżiena. Id‑“dixxerniment tal‑ispirti” hu għaldaqstant importanti għal kull dixxerniment Nisrani.

Proċess ta’ dixxerniment ekkleżjali li jwassal għal tiġdid tal‑Knisja f’Malta, hu vjaġġ fejn nimxu flimkien mat‑tnebbiħ tal‑Ispirtu s‑Santu sabiex inkunu “Poplu Qaddis ta’ Alla” li jagħti xhieda għall‑ferħ li jiġi mill‑laqgħa ma’ Kristu. Dan jeħtieġ:il‑laqgħa personali tagħna ma’ Kristu;

  • li, kull wieħed u waħda minna, aħna msejħin biex inkunu “dixxipli missjunarji” permezz tal‑Kelma u l‑Qadi;
  • u fl‑istess ħin napprezzaw ukoll il‑fatt li s‑sejħa personali tagħna hija s‑sejħa tal‑ġemgħa kollha, sejħa li għexuha qabilna dawk li għammru fi gżiritna tul is‑sekli permezz tax‑xhieda u l‑qima tagħhom;
  • filwaqt li nerġgħu nagħmlu tagħna l‑attitudnijiet ekkleżjali tal‑kontemplazzjoni, rikonċiljazzjoni, formazzjoni u missjoni billi naħsbu fuq il‑pedagoġija ta’ Kristu—jiġifieri li nkunu Knisja li tisma’, li tilqa’, li takkumpanja u li dejjem tfittex li toħroġ ’il barra u lil hinn;
  • u nsiru iktar konxji tad‑doni differenti ta’ dan il‑Poplu wieħed ta’ Alla;
  • naħsbu fuq il‑kultura ta’ din “l‑art” li fiha msejħin naqdu;
  • u nirriflettu fuq is‑sinjali taż‑żminijiet u nagħrfu l‑ġrieħi li Kristu jixtieq ifejjaq … allura d‑dmir tal‑Knisja hu li taġixxi b’mod deċiżiv.

(mid-dokument Knisja Waħda, Vjaġġ Wieħed, 79-81)