Il‑ġrieħi fil‑memorja tagħna, personali u kollettiva

Ħadd minna mhu meħlus minn memorji ta’ vjolenza li ġarrab jew wettaq; ta’ weġgħat li huma wisq kbar biex naffaċjawhom jew naċċettawhom; dwejjaq li mhux faċli nagħtuh isem jew infissruh fi kliem. Dawn il‑ġrieħi fondi, li spiss inġarrbuhom l‑ewwel fit‑tfulija, idgħajfuna imma wkoll jimlewna bl‑imrar; iferu lil qalbna imma wkoll jimlewna bl‑għadab. Jekk ma nirrikonċiljawx ruħna mat‑tbatijiet tagħna, dawn it‑trawmi mhux solvuti jistgħu jaffettwaw ukoll lil oħrajn madwarna, jinfirxu fil‑familji u fil‑komunitajiet u l‑memorja tagħhom tiċċajpar minn dan in‑niket moħbi.

Kristu jixtieq jeħlisna, l‑ewwel u qabel kollox, mill‑ġrieħi li jżommuna mjassra minn dawn il‑memorji li jwaħħxu. Il‑Knisja twettaq il‑missjoni tagħha li twassal it‑tama billi tfittex li teħles mill‑jasar tal‑passat tagħna sabiex tfejjaq il‑ġrieħi tal‑qalb li jweġġgħu kemm lill‑individwi kif ukoll lill‑komunitajiet.

Kif San Ġwanni Pawlu II għallem lill‑Knisja u lid‑dinja:

Jibqa’ minnu li ma nistgħux nibqgħu priġunieri tal‑passat: kemm l‑individwi kif ukoll il‑popli jeħtieġu xi sura ta’ “tisfija tal‑memorja”, sabiex il‑ħażen tal‑passat ma jibqax għaddej. Dan ma jfissirx li ninsew dak li ġara, imma li nħarsu lejh b’mod ġdid u nitgħallmu minn dak stess li ġarrabna li l‑imħabba biss tista’ tibnina, filwaqt li l‑mibgħeda ġġib magħha qerda u ħerba. Jeħtieġ li ċ‑ċiklu qattiel tat‑tpattija jeħodlu postu l‑ħelsien tal‑maħfra.

Messaġġ għat‑30 Jum Dinji tal‑Paċi, Jannar 1, 1997

(mid-dokument Knisja Waħda, Vjaġġ Wieħed, 67)