Il-bnedmin kollha ta’ rieda tajba li qegħdin ifittxu l-Verità

Il-Knisja mhijiex biss komunità ta’ qaddisin: hi wkoll magħmula minn midinbin li jaqgħu fil-mixja tagħhom bħala dixxipli imma li, xorta waħda, jibqgħu jippruvaw. Hi wkoll magħmula minn dawk li jissahraw u allura jistaqsu x’inhi tassew “il‑ħajja t‑tajba”: sakemm jibqgħu fidili u kommessi għat-tfitxija tal-Verità, huma wkoll qed ifittxu li Kristu jiftħilhom għajnejhom.

Il-Knisja tal-bidu rrikonoxxiet dawn it-toroq ta’ tfitxija għall-Verità u tar-reġgħa lura fil-merħla permezz tal-Katekumenat u tal-Ordni tal-Penitenti. U f’Malta llum qed nerġgħu niskopru forom ġodda ta’ dawn it-toroq: ir-realtà tar-Rit tal‑Bidu tal‑Ħajja Nisranija għall‑Adulti qed tikber bil-mod imma b’pass kostanti. Kruċjali wkoll hu l-akkumpanjament ta’ dawk li, għal raġunijiet differenti—forsi minħabba weġgħat personali, diżillużjoni bl-istituzzjoni, jew għax, f’punt jew ieħor tal‑ħajja tagħhom, il‑fidi tagħhom ġiet imġarrba, jew birdu—jidentifikaw ruħhom bħala “Kattoliċi mhux prattikanti.”

Spiss, dawn il-membri, li xi minn daqqiet b’konvinzjoni personali jgħammru lil hinn mill-konfini viżibbli jew ta’ “prattika normali” tal-Knisja, huma membri tal-familja tagħna, ħbieb jew kollegi. L-istess relazzjonijiet li jorbtuna magħhom huma sinjali ta’ kif l-Ispirtu s-Santu jibqa’ jaħdem: mhux biss biex dawk li tbiegħdu jistgħu jerġgħu lura “fiċ‑ċentru” għax jerġgħu jibdew jipprattikaw; imma anke biex dawk li jqisu lilhom infushom “fiċ‑ċentru” jgħarblu l‑awtentiċità tax-xhieda tagħhom, u jħallu lilhom infushom jiġu sfidati, jissaffew bħala dixxipli. Fi kliem San Irinew ta’ Lyons, l-isqof tat-tieni seklu li mhux biss żviluppa l-għarfien tal-fidi tagħna imma wkoll kien mexxej ta’ Knisja tal-martri:

“Fejn hemm il-Knisja, hemm jinsab l-Ispirtu ta’ Alla; fejn hemm l‑Ispirtu ta’ Alla, hemm tinsab il‑Knisja, u l‑grazzja kollha; imma l-Ispirtu hu verità. Għalhekk, dawk li m’għandhomx sehem minnu, la jitmantnew minn sider ommhom, u lanqas igawdu mill-għajn li tnixxi mill‑ġisem ta’ Kristu” (Adversus Haereses III.24.1).

Mhijiex ir-rabta mal-istrutturi viżibbli tal-Knisja li minnha nnifisha turi l-awtentiċità tax-xhieda ekkleżjali, imma hija t-trasformazzjoni tal-qalb mill-Ispirtu, ħafna drabi b’modi li ma nifhmuhomx, li tagħmel dan.

(mid-dokument Knisja Waħda, Vjaġġ Wieħed, 41-42)