Il-Ħniena: Il-Ħames Frott tal-Ispirtu

Dan il-ħames frott tal-Ispirtu li jsemmi Pawlu huwa riżultat naturali tal-imħabba. Però San Pawl hawn ma jużax il-kelma li s-soltu tintuża biex tfisser il-kwalità ta’ bniedem jew Alla bħala ħanin. Il-kelma χρηστότης (kréstotés) timplika iktar is-sens ta’ mogħdrija milli ħniena fil-konfront ta’ min jiżbalja. Litteralment, tfisser li tkun utli, u allura li tfittex li taqdi l-ħtiġijiet veri tal-oħrajn b’rettezza, bil-mod kif irid Alla. Nistgħu ngħidu li b’xi mod hija t-twettiq fil-prattika tar-regola tad-deheb, jiġifieri li tagħmel lil ħaddieħor bħalma trid li ħaddieħor jagħmel lilek. Imma fl-istess waqt tmur lil hinn minn dan il-livell naturali li kull bniedem iħoss ġewwa fih. Bla dubju wkoll tmur lil hinn mis-sempliċi tħassir li għandu ħabta jwassalna biex nagħlqu għajnejna għal dak li hu ħażin u jeħtieġ li jiġi kkoreġut b’mogħdrija.

Mill-perspettiva tal-grazzja, dan hu frott naturali tal-imħabba għax bil-qawwa tal-Ispirtu s-Santu nitħarrġu biex inġibu ruħna bil-mod xieraq u tajjeb mal-proxxmu tagħna, bħalma Alla jimxi magħna b’mogħdrija. Hu għalhekk li lill-Efesin Pawlu jordnalhom:

Kunu twajba ma’ xulxin, ħennu għal xulxin, aħfru lil xulxin, bħalma Alla ħafer lilkom fi Kristu.

Ef 4, 32