It-Tjieba: Is-Sitt Frott tal-Ispirtu

Il-frott tat-tjieba li jelenka San Pawl fil-lista tiegħu ma jfissirx ġentilezza jew tjubija bħala kwalità tal-karattru imma hija kwalità tal-azzjoni. ἀγαθωσύνη hija kelma li nsibuha biss fil-letteratura Pawlina, la fil-bqija tal-kotba bibliċi u lanqas imkien fil-letteratura Griega. Hija l-kelma li bl-Ingliż tiġi tradotta bħala goodness, bl-enfasi tmur fuq l-aspett affettiv iktar milli legali ta’ tjieba: tfisser l-għixien ta’ ħajja tajba u b’intenzjonijiet tajba b’mod partikolari fil-konfront tal-oħrajn.

Dan l-frott bnin tal-Ispirtu għandu tassew il-ħila li jiġbed iktar persuni lejn Kristu permezz tal-azzjonijiet konkreti tagħna, hekk li jidher ċar li t-tajjeb tagħna ġej minn konvinzjoni u minn laqgħa ma’ xi ħadd li mexa magħna bi tjieba liema bħala hekk li kien lest li jmut għalina.

Għalhekk, fi spirtu ta’ Knisja li, kemm bħala individwi u kif ukoll bħala komunità, trid tkun dejjem lesta li toħroġ u tilqa’, ejjew nagħmlu tagħna t-talba li nsibu fit-Tieni Ittra lit-Tessalonikin:

Għalhekk aħna dejjem nitolbu għalikom li Alla tagħna jagħmilkom denji tas-sejħa tiegħu, u jagħmel li bil-qawwa tiegħu sseħħ kull rieda tajba tagħkom għall-ġid u kull ħidma tal-fidi tagħkom. U hekk l-isem ta’ Sidna Ġesù Kristu jkun igglorifikat fikom u intom fih skont il-grazzja ta’ Alla tagħna u tal-Mulej Ġesù Kristu.

2 Tess 1, 11-12