Il-Fidi: Is-Seba’ Frott tal-Ispirtu

Is-seba’ frott tal-Ispirtu li San Pawl jinkludi fil-lista tiegħu hija l-fidi. F’lingwi oħra tiġi wkoll tradotta bħala fedeltà, xi ħaġa li hija marbuta b’mod intimu mal-fidi għax, tassew, wieħed ikun fidil lejn xi ħadd li għandu fidi fih. Il-kelma Griega πίστις li juża Pawlu tippermetti dawn il-varjazzjonijiet skont il-kuntest.

Tajjeb inżommu f’moħħna li dan huwa wieħed mill-kwalitajiet ta’ Alla li l-fedeltà tiegħu ma titħarrek qatt. Għaldaqstant, huwa biss bil-qawwa tal-Ispirtu li aħna nistgħu nwieġbu b’fidi u fedeltà għall-istedina ta’ Alla: jekk ma tkunx il-grazzja, ma jkunx possibbli li nemmnu f’dak li ma narawhx imma nġarrbu l-imħabba tiegħu; u, frott din l-esperjenza, aħna niġu mogħtija l-ħila li bħal Alla nkunu fidili, leali, kemm lejh, kemm lejna nfusna, u kif ukoll lejn l-oħrajn, hekk li bħalma l-fidi f’Alla hija l-blata li fuqha tinbena ħajjitna, ħaddieħor jibda jduq minn din iċ-ċertezza soda permezz tal-fedeltà tagħna lejh.

Din hija xhieda importanti li aħna l-Insara jeħtieġ nagħtu f’dinja fejn il-fedeltà saret xi ħaġa tad-daħk u fejn l-ebda ftehim bejn żewġ naħat mhu irrixxendibbli; fejn l-ewwel reazzjoni tagħna tkun li ma nafdawx lill-ieħor, forsi wkoll frott ta’ esperjenzi qarsa. Imma l-Ispirtu għandu l-qawwa li jfejjaq anke dawn il-weġgħat billi jqajjimna fuq saqajna u jagħmilna kapaċi nipproduċu l-frott tal-fidi u l-fedeltà, ukoll jekk insibu ħafna xi jtellifna u jittentana.

B’mod prattiku mhijiex il-fedeltà li teskludi kull forma ta’ dnub min-naħa tagħna—ħaġa li Alla biss jista’ jwettaqha fina u spiss jibqa’ lura sabiex aħna ma tikbrilniex rasna imma nibqgħu saqajna mal-art—imma hija l-fedeltà li, naqgħu kemm naqgħu, tisserrep kemm tisserrep it-triq, id-direzzjoni u l-għan aħħari tagħna jibqa’ ċar, hekk li nkunu nifilħu għal kull maltempata u anke għat-temp it-tajjeb meta jkollna ħabta nirrilassaw hekk li nispiċċaw nintelqu. U din l-imbierka sħana xejn ma tgħin żgur! Imma jalla l-fidi tagħna f’Alla u fl-Iben ta’ Alla li sar bniedem tibqa’ soda hekk li xejn u ħadd ma jirnexxilu jdewwibhielna u nitilfuha.