Il-Ħlewwa: It-Tmien Frott tal-Ispirtu

Dan il-frott tal-Ispirtu hu mmirat speċifikament għall-għixien b’mod Nisrani tar-relazzjonijiet tagħna mal-oħrajn. Il-kelma πρᾳΰτης (prautés) li juża Pawlu timplika ġentilezza fil-konfront ta’ ħaddieħor, ukoll meta wieħed jeħtieġ li jwissi jew ikun sod. Fil-fatt, fit-tieni ittra lil Timotju Pawlu jwissih biex, anke fejn tkun meħtieġa twissija, din għandha ssir bi ħlewwa għax b’hekk iktar hemm ċans li dak li jkun jagħraf li qiegħed fil-ħażin u jikkonverti.

Aħna, ta’ mediterranji li aħna, mhux dejjem kapaċi nużaw zokkor la fil-kliem u lanqas fl-imġieba. U San Pawl żgur li dan kien jafu tajjeb. Imma din il-kwalità ma teqred xejn min-natural tagħna imma tgħinna biex il-qawwa tagħna nagħtuha direzzjoni tajba. Dan nistgħu narawh meta din l-istess kelma li juża San Pawl tintuża dwar annimali li ġew immansati: dawn il-bhejjem jiġu mħarrġa biex jikkontrollaw l-istint qerriedi tagħhom imma, fl-istess ħin, bla ma tilfu s-saħħa tagħhom.

Meta jistenna li nkunu disposti sabiex dan il-frott jitkabbar fina, Alla mhux jistenna xi ħaġa li hu mhuwiex kapaċi għaliha, anzi: Ġesù nnifsu juri li din hi l-qalba tal-eżistenza tiegħu meta jgħid,

“Ejjew għandi, intom ilkoll li tinsabu mħabbtin u mtaqqlin, u jiena nserraħkom. Ħudu fuqkom il-madmad tiegħi u tgħallmu minni, għaliex jiena ta’ qalb ħelwa u umli, u intom issibu l-mistrieħ għal ruħkom. Għax il-madmad tiegħi ħelu u t-toqol tiegħi ħafif.”

Mt 11, 28-30