Il-Manswetudni: Id-Disa’ Frott tal-Ispirtu

Id-disa’ frott tal-Ispirtu li telenka l-Knisja Kattolika fit-tagħlim tagħha huwa l-manswetudni. Din ma nsibuhiex imniżżla f’kapitlu 5 tal-Ittra lill-Galatin versi 22 u 23 tal-Bibbji tagħna, imma hija waħda mit-tliet frott li nsibu miżjuda mal-lista fil-Vulgata, jiġifieri t-traduzzjoni mil-lingwi oriġinali għal-Latin attribwita lil San Ġrolmu. Din iż-żieda bħat-tnejn l-oħra li se niltaqgħu magħhom fil-ġimgħat li ġejjin jista’ jkun li ġew inklużi mit-traduttur sabiex jaqbad b’mod iktar komprensiv waħda mill-kelmiet Griegi, jiġifieri uża żewġ kelmiet biex joħroġ is-sens sħiħ ta’ kelma waħda.

Xi tfisser il-manswetudni? Dawk minna li b’xi mod missew mas-Soċjetà tad-Duttrina Nisranija M.U.S.E.U.M. żgur li din il-kelma semgħuha kemm-il darba, u ġeneralment hija assoċjata mal-maħfra u n-nuqqas ta’ ribelljoni. Min qara l-ktieb ta’ San Ġorġ Preca Ittra Popolari fuq il-Manswetudni, li l-membri huma obbligati jaqraw nhar il-festa ta’ San Stiefnu, żgur li ma jistax jinsa l-episodju li kważi jqabbdek id-daħk ta’ meta Newton ħa paċenzja bil-kelb jismu Diamond meta dan tal-aħħar għoġbu jgerrimlu xogħol ta’ ħafna sigħat! Fi kliem l-Arċisqof Chales J. Scicluna:

Il-manswetudni hija dik il-qawwa, mhux ċkejkna, li biha l-Mulej jgħinna naħfru lil min għamlilna d-deni, naħfru lil min għamlilna xi ħsara, naħfru lill-għedewwa tagħna.

Omelija waqt quddiesa fil-Kappella tal-Madonna ta’ Lourdes, il-Furjana (26 ta’ Diċembru 2020).

Mhux ta’ b’xejn li Dun Ġorġ ipoġġi bħala mudell għal dan il-frott tal-Ispirtu lil San Stiefnu li, fil-mewt tiegħu, jitlob lill-Mulej biex ma jgħoddulhomx id-dnub tal-qtil tiegħu (Atti 7, 60).