Il-Modestja: L-Għaxar Frott tal-Ispirtu

Dan il-frott tal-Ispirtu li nsibu mniżżel fil-verżjoni li l-Vulgata tagħti ta’ dan il-vers forsi mhux daqstant faċli li niddistingwuh miż-żewġ frott li fadlilna niddiskutu, jiġifieri r-rażan u s-safa. Anzi, bħal donnhom joħorġu aspetti differenti tal-mod kif aħna għandna ngħixu fid-dinja, u wieħed jibni fuq l-ieħor. Mhux ta’ b’xejn li fil-Katekiżmu tal-Knisja Kattolika nsibu: “Is-safa jitlob il-pudur (modestja). Dan hu element li jsaħħaħ ir-rażan tal-bniedem” (par. 2521).

B’mod intern, il-modestja tfisser li nkunu umli fil-konfront tagħna nfusna u safja fil-ħsibijiet tagħna, hekk li naslu biex nirrikonoxxu li s-suċċessi, it-talenti, il-ħiliet u l-merti tagħna mhumiex ġejjin mill-kapaċità tagħna imma huma don ta’ Alla. B’mod estern, il-modestja tfisser attenzjoni fid-dehra tagħna hekk li ma tqanqalx kurżità żejda, li nitkellmu bis-sewwa mingħajr ftaħir u bla ma nieħdu gost bid-deni ta’ ħaddieħor, u li ma nġibux ruħna b’mod li ma jixraqx l-isem ta’ Nsara li nġibu.

Fi ftit kliem, minkejja l-varjazzjonijiet u l-fehmiet differenti dwar dan is-suġġett f’kulturi differenti, il-Katekiżmu jagħti din id-definizzjoni tal-modestja:

Il-pudur iħares il-misteru tal-persuni u ta’ mħabbithom: jistieden għas-sabar u għar-rażan fir-relazzjonijiet ta’ mħabba għal xulxin … Il-pudur ifisser diċenza; jgħin fl-għażla tal-ilbies; iżda jżomm is-skiet jew jibqa’ lura meta hemm il-periklu ta’ kurżitajiet ħżiena. Hu diskrezzjoni u galbu mal-oħrajn.

Katekiżmu tal-Knisja Kattolika, par. 2522

Il-modestja tħares il-misteru ta’ kull bniedem u tippreserva l-intimità tiegħu. Fl-istess waqt, ma teskludix li jkun hemm atti ta’ ġentilezza anke meta espressi b’mod fiżiku mingħajr ma joffendu jew ifixklu iktar lill-persuna l-oħra, u fl-istess ħin mingħajr ma jċaħħad lill-ieħor minn dik it-tgħanniqa ta’ ħbiberija jew id imdawra ma’ spallitna li tagħmlilna ’l qalb meta nkunu taħt l-ilma. Għaldaqstant l-għaqal hu ferm meħtieġ sabiex dan il-frott tal-Ispirtu jkun jista’ jikber u jsostni mingħajr ma napprofittaw ruħna minn persuni oħra jew inwaqqgħu d-dinjità tagħna stess.