Ir-Rażan: Il-Ħdax-il Frott tal-Ispirtu

San Pawl jikkonkludi l-lista tiegħu tal-frott tal-Ispirtu fl-Ittra lill-Galatin bil-frott tar-rażan. Il-kelma ἐγκράτεια (egkrateia) bil-Grieg litteralment tfisser ħakma minn ġewwa, inkwantu hija l-kontroll tal-impulsi u l-ġibdiet li nħossu fina konsegwenza tan-natura midinba tagħna. Għalkemm hija qawwa minn ġewwa fina, ma jfissirx li nistgħu naslu għaliha bil-ħila tagħna biss. Il-preżenza tal-Ispirtu fina tgħarrafna fejn tinsab d-dgħufija tagħna u tagħtina l-qawwa li nżommuha taħt kontroll. Hu għalhekk li San Pawl jikteb lil Titu:

Għax dehret il-grazzja ta’ Alla, għas-salvazzjoni lill-bnedmin kollha; hi trawwimna nwarrbu l-ħażen u l-ġibdiet tad-dinja, biex ngħixu bir-rażna u l-ġustizzja u t-tjieba f’dan iż-żmien, u nistennew it-tama hienja u d-dehra tal-glorja tal-kbir Alla u Salvatur tagħna, Ġesù Kristu.

2 Tit 11-13

Xi drabi r-rażan jesprimi ruħu fiċ-ċaħda totali ta’ għemejjel li jħajruna għalihom il-passjonijiet tagħna. Drabi oħra tfisser il-moderazzjoni u l-qies f’dan li nagħmlu u nikkunsmaw sabiex hekk inwettqu r-rieda ta’ Alla. Imma bl-ebda mod ma tfisser li niċċaħħdu minn dak li hu neċessarju għall-ħajja u s-saħħa tagħna. U hawn jidħol l-għaqal biex nagħrfu niddistingwu bejn il-bżonnijiet (needs) u dak li nixtiequ (wants). San Pawl jagħraf ifisser dan il-konflitt fl-istess kapitlu 5 tal-Ittra lill-Galatin:

Jien ngħidilkom, imxu fl-Ispirtu u taqgħux għall-passjonijiet tal-ġisem. Il-passjonijiet tal-ġisem huma kontra l-Ispirtu, u l-Ispirtu hu kontra l-ġisem; dawn it-tnejn huma kontra xulxin, biex ma jħallukomx tagħmlu dak li tixtiequ.

Gal 5, 16-17

Għalkemm il-lingwaġġ hu xi ftit duwalista, imma din it-taqbida nġarrbuha f’ruħna u laħamna kuljum. Għaldaqstant, nitolbu lil Alla li ma ninġarrux imma nħallu l-Ispirtu jkabbar fina l-frott tar-rażan li forsi ma jinftehimx imma li żgur għandu qawwa tassew profetika fil-kultura ta’ Life is Now jew I want it all and I want it now.